Issue No: 4/26
Issue No: 4/26
Kelma tal-Isqof

Monsinjur Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju ta' Malta
Għeżież Għalliema tar-Reliġjon,
L-Enċiklika reċenti Magnifica Humanitas, tal-Papa Ljun XIV, toffrilna stedina f’waqtha biex nerġgħu niskopru s-sbuħija u d-dinjità tal-persuna umana fid-dawl tal-Evanġelju. Tfakkarna li kull bniedem hu maħluq xbieha ta’ Alla. Id-dinjità tal-bniedem ma ġġibx l-oriġini tagħha mill-approvazzjoni pubblika, u lanqas ma tiddependi fuq l-età, is-saħħa, il-produttività jew l-utilità soċjali ta’ persuna. Hija fil-qalb ta’ kull ħajja umana maħluqa xbieha ta’ Alla – hi x’inhi r-razza, il-kulur tal-ġilda, il-ġeneru u r-reliġjon tagħha.
Kull persuna hi msejħa għall-imħabba u għall-verità u fdata bir-responsabbiltà li tibni dinja aktar ġusta, aktar solidali u aktar mimlija ħniena. Bħala għalliema tar-Reliġjon, intom tokkupaw post speċjali f’din il-missjoni. Il-klassi tagħkom mhijiex sempliċement post fejn jitwassal l-għarfien, iżda spazju fejn jiġu ffurmati l-imħuħ u l-qlub. Permezz tax-xhieda, tal-paċenzja u tad-dedikazzjoni tagħkom, iż-żgħażagħ jiltaqgħu mhux biss mat-tagħlim tal-Knisja, iżda wkoll mal-preżenza ħajja ta’ Kristu, li jurina x’inhi l-milja tal-umanità vera.
Magnifica Humanitas tħeġġiġna nħarsu lejn l-edukazzjoni bħala att ta’ tama. F’soċjetà li spiss tkun immarkata mill-individwaliżmu u mill-firdiet il-ministeru tagħkom jista’ jrawwem id-djalogu, ir-rispett, il-maħfra u s-solidarjetà. Intom tistgħu tgħinu lill-istudenti jiskopru li l-fidi mhux biss tarmonizza mar-raġuni, iżda wkoll tispira servizz ġeneruż lejn l-oħrajn.
Jalla din ir-riflessjoni tal-Papa Ljun XIV iġġedded fikom l-entużjażmu għall-vokazzjoni nobbli li ħaddantu. Komplu akkumpanjaw lill-istudenti tagħkom b’għerf, kreattività u kompassjoni, u ħeġġuhom ifittxu l-verità b’moħħ miftuħ u b’qalb ġeneruża. Ħa jkun it-tagħlim tagħkom dejjem rifless tal-ferħ tal-Evanġelju u tal-fiduċja li Alla jibqa’ jaħdem fil-ħajja ta’ kull persuna.
Nirringrazzjawkom tal-impenn leali tagħkom lejn l-edukazzjoni Kattolika u lejn il-formazzjoni tal-ġenerazzjonijiet futuri. Jalla l-viżjoni ta’ Magnifica Humanitas tispirakom biex trawmu mhux biss nies ta’ fidi infurmata, iżda wkoll persuni kuraġġużi li jittrasformaw is-soċjetà permezz tal-fidi, it-tama u l-imħabba.
Il-Mulej ibierek il-ministeru tagħkom, u jkompli jmexxikom, isaħħaħkom u jdawwalkom fis-servizz iddedikat tagħkom lejn iż-żgħażagħ li huma fdati f’idejkom, u lejn is-soċjetà Maltija.
Mill-Iskejjel
Żjara mill-istudenti ta’ San Injazju Skola Medja Ħandaq lis-Sorijiet Klarissi tal-Klawsura f’San Ġiljan.
Riċentement, grupp ta’ 16-il studenta flimkien ma’ żewġ għalliema żaru lis-sorijiet Klarissi tal- Klawsura f’San Ġiljan.
Din kienet sperjenza interessanti u edukattiva li tat lill-istudenti l-opportunità jiltaqgħu ma’ persuni li għażlu li jiddedikaw ħajjithom għat-talb u s-servizz ta’ Alla.
Mal-wasla tagħhom, il-grupp ġie milqugħ bil-qalb mill-Madre superjuri u soru oħra. Huma qasmu mal-istudenti l-esperjenzi tagħhom, ta’ kif
iddeċidew li jidħlu fil-ħajja tal-klawsura. Tkellmu wkoll dwar ix-xogħol u r-rutina ta’ kuljum fil-kunvent, kif ukoll dwar l-importanza tat-talb fil-ħajja tagħhom.
L-istudenti kellhom l-opportunità jistaqsu diversi mistoqsijiet dwar il-ħajja fil-klawsura. Is-sorijiet wieġbu b’mod ċar u sinċier, u dan għen lill-istudenti jifhmu aħjar dan il-mod ta’ ħajja partikolari.
Fi tmiem iż-żjara, is-sorijiet ħadu lill-istudenti dawra fil-ġnien kbir u sabiħ tal-kunvent. L-istudenti gawdew il-kalma u s-sbuħija tal-post, li joffri ambjent ta’ paċi u riflessjoni.
Din iż-żjara kienet esperjenza memorabbli għal kulħadd, li mhux biss kabbret l-għarfien tal-istudenti dwar il-ħajja reliġjuża, iżda wkoll ħeġġithom jirriflettu fuq il-valuri tal-impenn, tas-servizz u tal-fidi.
Ms MaryAnne Gatt
Għalliema tar-Reliġjon
Ħarġa ta’ formazzjoni għas-subien tas-Seba’ u Tmien sena
Id-Dipartiment tar-reliġjon fl-iskola medja ta’ San Injazju ħareġ b’idea li nagħtu lill-istudenti subien tas-seba’ u tmien sena l-opportunità li jkollhom esperjenza u idea ta’ kif tkun ħajja vokazzjonali reliġjuża. Għaldaqstant aħna nemmnu li l-edukazzjoni mhix biss mill-att akkademiku iżda rridu niffukaw ukoll u nħarsu lejn il-persuna mill-att ħolistiku u spiritwali. Li jkollna esperjenza mill-qrib ma’ Alla tgħinna ngħarfu aktar Alla min hu u x’sinifikat għandha l-imħabba tiegħu lejna l-bnedmin. Bla dubju tgħinna nikbru fil-fidi u fir-relazzjoni tagħna mal-Ħallieq. Wara laqgħa ta’ introduzzjoni mal-Gwardjan Patri Clive Camilleri, bniedem ta’ kariżma, l-istudenti tagħna kellhom l-vantaġġ li jżuru l-Knisja u l-kunvent ta’ Ġiezu fir-Rabat.
L-istudenti setgħu jifhmu aktar għax qed jaraw b’għajnejhom kif persuni li jagħżlu il-missjoni tal-qadi fil-ħajja Nisranija x’impenn tirrikjedi f’isem Ġesù li kien hu stess ta’ servizz għall-oħrajn. L-istudenti kellhom l-opportunità jsiru jafu aktar dwar ir-rikezzi li tiġbor fiha l-Knisja ta’ Santa Marija ta’ Ġesù (Ta’ Ġieżu) – knisja li tmur lura fis-seklu 1500 li aktar tard fl-1757 sarulha xi arranġamenti u ġiet estiża. Hija tmiss mal-kunvent tal-Franġiskani. Patri Clive tahom ħafna informazzjoni rikka fuq l-istatwi u xi pitturi oħra ta’ valur kbir għal din il-knisja fosthom mill-artist Malti Adonai Camilleri Cauchi. Fl-istess knisja insibu ukoll ir-rekliwa tant għażiża taż-żagħżugħ qaddis Carlo Acutis. Il-grupp mbagħad mexa għall-mawra mal-kunvent. Tajjeb li wiehed isemmi li l-ewwel persuna li l-kunvent ospita kien propju il-Granmastru L’Isle Adam fejn propju miet f’waħda miċ-ċellel tal-patrijiet fl-1534. Żorna l-librerija kif ukoll il-kappella fejn il-patrijiet iqattgħu ħafna mill-ħin tagħhom fiha jitolbu. Dorna dawra l-ġnien mimli siġar tal-frott u anki xi annimali li kif spjega tajjeb Patri Clive huma importanti għax huma sorsa ta’ ikel għall-patrijiet tal-istess kunvent. Morna naraw kif taħdem il-kċina tal-kunvent u b’qalb kbira u bil-providenza ta’ Alla offrewlna li noqgħodu miġbura magħhom fir-refettorju biex nieklu ikla flimkien bħal aħwa.
L-aktar ħaġa li laqtet l-istudenti inġenerali kienet is-sens ta’ paċi u umiltà li jgħixu dawn il-patrijiet. J’Alla permezz ta’ din il-mawra jkollna aktar vokazzjonijiet għax il-Knisja u l-komunità nisranija teħtieġilha nies li jieħdu ħsiebna spiritwalment.
Ms Daniela Camilleri
Għalliema tar-Reliġjon
Avvizi mill-Ispiritual Development in Schools
Flimkien (Togetherness) hija t-tema li bħala Tim għall-Pastorali mat-tfal u adoloxxenti fi ħdan il-Vigarjat għall-Kordinament Pastorali għażilna għas-sena skolastika 2026-2027. It-tema tippromovi l-importanza tal-komunità fil-ħajja tagħna, ispirata mit-tema tal-Pjan Pastorali: Komunjoni, Partecipazzjoni u Missjoni. Matul dax-xhur tas-Sajf qed nħejju diversi riżorsi li ser ikunu fis-sit https://sds.mt f’Settembru.
Skola Sajf organizzata mill-FES, hija opportunità biex noffru spazji ta’ talb kemm f’Malta u f’Għawdex. L-SDS team u voluntiera oħra animajna prayer spaces għall-istudenti ta’ Skola Sajf ġewwa l-Wied tal-Lunzjata fir-Rabat Għawdex u fil-Kappella tal-Providenza s-Siġġiewi. Nirringrazzjaw minn qalbna lil kull min ta sehemu.

Tista’ ssegwi iktar hawn: https://sds.mt/events/prayer-spaces-for-skolasajf-in-malta-2026/
Qed inkomplu naġġornaw il-programmi li noffru fl-iskejjel fl-iskejjel Primarji, Medji u Skondarji. Interessat li tkun taf x’qed noffru? https://sds.mt/programmes/

Nawguralkom Sajf ta’ mistrieħ u rikreazzjoni!
Programmi u Servizz
Ibqa’ aġġornat/a mal-programmi u riżorsi relatati mal-kura pastorali u l-iżvilupp spiritwali fl-iskola billi żżur https://sds.mt/request/. Tista’ tikkuntattja lil Fr Reuben Gauci, kordinatur tar-religious counsellors u l-Iżvilupp Spiritwali fl-Iskejjel fuq [email protected]



