Author: ejgauci

Didàskalos 1/24

Issue No: 2/23  

Issue No: 1 /24  

Kelma mid-Delegat

Rev. Prof. Carl-Mario Sultana

Delegat tal-Konferenza Episkopali għall-Edukazzjoni Reliġjuża

Għeżież Għalliema tar-Reliġjon,


Erġajna bdejna sena ġdida u bħas-soltu ż-żmien ma jistenna lil ħadd; jaqbad għaddej u jgħaġġel mingħajr ma jistenna lil ħadd. Inħoss li filwaqt li din hija ħaġa tajba għax tfisser li aħna qegħdin nagħmlu ħilitna biex intejbu lis-soċjetà li fiha qegħdin ngħixu, imma fl-istess waqt jista’ jiġrilna wkoll li lanqas nagħtu każ li aħna nistgħu inkunu qegħdin nitkaxkru mill-ġirja tal-ħajja mingħajr ma nindunaw!

Din hija xi ħaġa li rridu noqgħodu tassew attenti għaliha; faċli li nintrikbu mir-rutina u allura ma nibqgħux konxji b’mod sħiħ ta’ dak li nkunu qegħdin ngħixu u nagħmlu. Meta ninqabdu f’dan il-kurrent inkunu aktar qegħdin neżistu milli ngħixu. Illum hawn movimenti sħaħ li qegħdin jipproponu l-mindfulness. Dan huwa mod wieħed biss kif ma nħallux lilna nfusna nitkaxkru mill-kurrent li normalment nidħlu fih minħabba s-soċjetà li qegħdin ngħixu fiha.

Il-preokkupazzjoni tiegħi hija li jekk aħna ma nkunux konxji tal-mument li fih aħna qegħdin ngħixu, ftit nistgħu nindunaw bil-grazzja li Alla jkun qed jagħtina fih, u permezz tiegħu. Barra minn hekk, ikun ukoll ferm diffiċli għalina li aħna niġbdu l-attenzjoni tal-istudenti biex ikunu konxji tal-mument ta’ issa jekk aħna stess ma nkunux konxji u qegħdin ngħixu l-mument b’mod sħiħ. Aħna nafu kemm hu importanti għall-istudenti tagħna li jgħixu u jgawdu l-mument mingħajr ma jitkaxkru mill-kurrent. Min jaf kemm-il darba ġbidna l-attenzjoni tagħhom dwar dan. Imma l-ewwel ejjew nibdew aħna bl-eżempju tagħna nuru li qegħdin ngħixu l-mument u napprezzaw dak li Alla jagħmel magħna.

Ejjew nibqgħu ngħixu l-mument b’mod sħiħ; ejjew ngħixu u mhux neżistu.

Jekk xi ħadd ikun irid jikkuntattjani dejjem jista’ jsibni fuq in-numru 79603872 jew bl-email [email protected]

Mill-Iskejjel

Seminar għall-għalliema tar-Reliġjon fl-Iskejjel tal-Knisja.

 

Bħala kapijiet tad-dipartiment tar-Reliġjon fi ħdan is-Segretarjat għall-Edukazzjoni Nisranija, ħejjejna nofs ta’ nhar seminar għall-għalliema kollha tar-Reliġjon fl-iskejjel tal-Knisja. Dan is-seminar tratta dwar l-isfidi, il-kreattività u l-opportunitajiet fl-Edukazzjoni  Reliġjuża. Għal dan is-seminar li sar ġewwa l-Oratorju tas-Sależjani f’Ħad-Dingli, kienu mistednin Fr Carl-Mario Sultana, id-delegat tal-Konferenza Episkopali Maltija għall-Edukazzjoni Reliġjuża, Ms Angela Charles, Direttriċi tal-Kurrikulu , u tliet kelliema oħra.

L-ewwel parti kienet f’idejn Patri Giovann Tabone MSSP, fejn tkellem dwar l-isfidi tal-ħajja u tana perspettiva reali b’riflessjoni mill-esperjenza ta’ San Pawl meta kien ġewwa Ateni. B’din ir-riflessjoni bibblika stajna nirrelataw ma’ sitwazzjonijiet li jkollna bħala edukaturi fil-klassijiet tagħna.

It-tieni kelliem, is-Sur Paul Cutajar, li jaħdem fil-qasam tal-Counselling fl-Iskejjel tal-Knisja kif ukoll eks għalliem, offrielna mument ta’ riflessjoni dwar fejn ninsabu aħna l-għalliema fil-fidi tagħna. Ħarisna wkoll lejn il-benesseri tal-edukatur u l-istudenti adoloxxenti tagħna fid-dinja tal-lum.

 

L-aħħar sezzjoni kienet iddedikata għall-pedagogija ċċentralizzata fuq l-istudent, fejn permezz tal-użu tal-multimodalità, aħna l-għalliema nistgħu nilħqu aktar l-istudenti u nagħmlu lezzjonijiet tar-Reliġjon aktar relevanti. Hawnhekk ħadna sehem f’attivitajiet varji li bħala għalliema nistgħu nimplimentaw fil-lezzjoniijiet tagħna u nużawhom fl-assessjar kontinwu wkoll.

Grazzi għal Dr Edward Wright, din is-sezzjoni tatna togħma ta’ kif nistgħu nsibu metodi pedagoġiċi ġodda u effettivi mal-istudenti tagħna. Dan it-tip ta’ taħriġ se jitkompla f’laqgħat żgħar mal-għalliema tagħna aktar ’l quddiem. Nixtiequ nirringrazzjaw lill-edukaturi kollha li pparteċipaw għal dan is-seminar, lill-kelliema li offrewlna l-ħin tagħhom u l-għarfien tagħhom u lill-ħanin Alla li kellna mumenti sbieħ ta’ talb flimkien, fejn iċċelebrajna l-Ewkaristija u ħadna gost bil-kumpanija ta’ xulxin.

 

Lorna Flask Camenzuli u Maria Deguara

Kulleġġ San Benedittu Skola Primarja Safi

Nhar is-16 ta’ Jannar 2024 ilqajna l-istudenti mill-iskola primarja ta’ Ħal Safi bħala l-ewwel grupp għas-sessjoni ‘Ngħixu l-Imħabba bil-Ferħ’. Dis-sessjoni ġiet mfassla biex tippromwovi l-iżvilupp spiritwali u tipprovdi esperjenza rikka lill-istudenti tas-sitt sena fl-iskejjel tal-Istat.

L-għan ta’ dan il-ħin flimkien huwa li nkomplu niskopru li flimkien nistgħu ngħixu l-imħabba b’mod ferrieħi. Tul dan in-nofs ta’ nhar, ngħinu lill-istudenti isaħħu l-valur tal-ħajja fil-perspettiva Nisranija billi jkunu iktar grati, jagħrfu japprezzaw lilhom infushom u r-relazzjonijiet tagħhom, u jagħrfu l-ħolm u l-limitazzjonijiet tagħhom. Kompli aqra u ara ritratti hawn.

Avvizi mill-Ispiritual Development in Schools

Spazji ta’ talb fl-iskejjel

Jekk matul dax-xhur animajt jew ser tanima xi prayer space, bħala SDS nixtiequ nisimgħu l-esperjenza tiegħek . Huwa mument ta’ inkoraġġiment għalik u għalina. Iktbilna hawn: https://sds.mt/prayer-spaces/planning-your-prayer-space/#step3

Dan l-aħħar ġimgħat saru dawn il-prayer spaces, inkluż waqt CoPe session għall-edukaturi fl-iskola primarja tal-Mellieħa. Ara fejn ser isiru prayer spaces f’dal-ġimgħat organizzati mill-SDS: https://sds.mt/prayer-spaces/

 Tiddejjaqx tiġi żżurna biex tkompli tiskopri iktar dwar prayer spaces.

Vjaġġ spiritwali f’Taizé, Franza

Għandna x-xewqa li norganizzaw vjaġġ għall-Taize, fi Franza u għalhekk nixtiequ li nieħdu feedback mingħandkom. Jekk jogħġbok idħol hawn għall-questionnaire ta’ 5 mistoqsijiet.

Għajnuniet għal żmien ir-Randan

F’dal-jiem inkunu qed nippreparaw għar-Randan inkluż għall-eżerċizzi tar-Randan. Kif ser ngħinu lill-istudenti u edukaturi biex ngħixu daż-żmien b’mod li jagħmel sens u li jibda mill-esperjenza konkreta tat-tfal u taż-żgħażagħ? Grazzi tal-ħidma tagħkom f’dan iż-żmien. Idħol hawn għal xi għajnuniet u riżorsi: https://sds.mt/resource/lent-and-easter-in-style/

Ser issir attività spiritwali għall-edukaturi nhar l-Erbgħa 27 ta’ Marzu 2024 fil-għodu. Żommu d-data libera. Ngħaddulkom iktar dettalji iktar ‘l quddiem.

Programmi u Servizz

Ibqa’ aġġornat/a mal-programmi u riżorsi relatati mal-kura pastorali u l-iżvilupp spiritwali fl-iskola billi żżur https://sds.mt/request/. Tista’ tikkuntattja lil Fr Reuben Gauci, kordinatur tar-religious counsellors u l-Iżvilupp Spiritwali fl-Iskejjel fuq [email protected]

Żur il-Website tal-Edukazzjoni Reliġjuża:

Didàskalos 6/23

Issue No: 2/23  

Issue No: 6 /23  

Kelma mid-Delegat

Rev. Prof. Carl-Mario Sultana

Delegat tal-Konferenza Episkopali għall-Edukazzjoni Reliġjuża

Għeżież Għalliema tar-Reliġjon,

Wasalna f’mument fis-sena tagħna li dejjem ikun interessanti, mhux biss għaliex ikun mimli attività, imma wkoll għax bħala bnedmin dejjem infittxu li ntemmu ħaġa u nibdew oħra. Dan jiġrilna kull sena meta tispiċċa sena u nibdew oħra, dejjem bit-tama li din is-sena l-ġdida tkun aħjar minn dik ta’ qabilha. Imma ejjew ma nħallux dan il-ħsieb u dawn l-attivitajiet itellfuna minn dak li hu verament l-ispirtu tal-Milied: Alla li jċekken lilu nnifsu u jsir bniedem bħalna biex isalvana.

 

Dawn huwa l-qofol tal-Milied u dan huwa li niċċelebraw f’dawn il-ġranet: li Alla ma ddejjaqx mill-ħażen tal-bniedem, u tbiegħed minnu, imma tqarreb lejna biex ikun jista’ joffrilna l-id tal-ħbiberija mill-ġdid permezz ta’ Ibnu Ġesù. Ejjew nagħrfu l-kobor ta’ dan il-misteru li se nerġgħu niċċelebraw għal darba oħra: Alla li jsir bniedem bħalna biex ikun id-dawl fit-triq tagħna.

 

Fl-istess waqt, ejjew ma nħallux dan li qed niċċelebraw ikun xi ħaġa ta’ dan iż-żmien biss, jew li niċċelebrawh biss fil-25 ta’ Diċembru ta’ kull sena. Bħala għalliema aħna msejħin biex inkunu dawl għal dawk l-istudenti kollha li Alla jogħġbu jafdalna f’idejna. Aħna għandna din is-sejħa speċjali li ngħinu lil Ġesù u t-tagħlim tiegħu jitwieled mill-ġdid fil-qlub ta’ dawn it-tfal, adolexxenti u żgħażagħ. Ejjew nagħrfu din ir-responsabbiltà li għandna: li nkunu aħna l-istrumenti f’idejn Alla biex hu jibqa’ jgħammar fil-bnedmin tallum; nibqgħu aħna stess nagħtu kontribut biex id-dawl ta’ Alla jasal fil-qlub tal-bnedmin.

 

Nawgura lilkom u lill-familji tagħkom Milied hieni mimli bil-barka tal-Mulej, u sena ġdida tajba.

Jekk xi ħadd ikun irid jikkuntattjani dejjem jista’ jsibni fuq in-numru 79603872 jew bl-email [email protected]

Mill-Iskejjel

Esperjenza Radju Marija

F’Novembru li għadda, grupp ta’ studenti mill-Kulleġġ Maria Regina Sekondarja Mosta (ex Lily of the Valley) attendew għal intervista waqt programm live fl-istazzjon reliġjuż Radju Marija mmexxi minn Fr Antoine Borg. F’din l-intervista l-istudenti ddiskutew il-ħajja ta’ Carlo Acutis u kif huma bħala żagħżagħ jistgħu jimitaw lil dan il-qaddis żagħżugħ.

Għall-istudenti, din kienet esperjenza unika kif jixhdu xi wħud mill-kummenti tagħhom:

“Kienet esperjenza unika għaliex kienet l-ewwel darba li tkellimt fuq stazzjon tar-radju. Għenitni nitgħallem aktar dwar ix-xogħol siewi li jagħmlu b’mod volontarju u b’tant dedikazzjoni n-nies li jgħinu lil Radju Marija.” Liam Tabone Year 9

“Kont ilni nistenna li nagħmel esperjenza bħal din. Inħobb nisma’ Radju Marija man-nanna tiegħi u issa kelli l-opportunità li nara u nesperjenza l-atmosfera ta’ programm tar-radju. Iltqajna wkoll ma’ Fr Antoine li laqagħna u spjegalna dwar il-ħidma li ssir.” Jodie Vella Year 10

Grazzi lill-għalliema Ms Nadine Galea u Ms Leanne Azzopardi li ħadu ħsieb jikkordinaw din l-attività.

Saint Benedict College Secondary School, Kirkop

During these last two days, a good number of our Year 10 students had the opportunity to participate in a very interesting outing organised by our Religious Education Department, with ACTS (Announcing Christ to schools). They had the opportunity to see how possible it is to prove God’s existence and they also heard a very touching testimony of Ryan, a young man who had lost all purpose to live and how God changed his life.
It was indeed a very fruitful outing. A huge well done to all our students for their impeccable behaviour

Ms. Bertha Busuttil

 

Grupp ta’ madwar mitt student tad-disà sena laqgħu l-istedina mill-għalliema tar-reliġjon u għamlu esperjenza sabiħa flimkien ġewwa Mt St Joseph. Ingħaqdu magħna wkoll studenti tal-etika. ‘Il bogħod mill-ħsejjes u l-għaġla tal-ħajja ta’ kuljum kellna waqt nieqfu għal nofstanhar ta’ riflessjoni, diskussjoni u mument ta’ ġabra u talb. Numru ta’ studenti kienu ppreparati tajjeb u mexxew huma diskussjoni u attività fi gruppi dwar tema sspirata minn film li rajna flimkien. It-tema kienet l-IMĦABBA. F’temp sabiħ wara l-maltemp, kellna ħin ukoll li ngawdu l-ħbiberija ta’ xulxin matul passiġata fil-ġnien u l-kampanja tal-madwar. Prosit lil l-istudenti kollha li ħadu sehem!
Mr. Carmel Farrugia

Avvizi mill-Ispiritual Development in Schools

Għeżież għalliema, 

L-ewwelnett nixtieq nirringrazzjakom għall-ħidma u kontribut siwi biex ngħinu lill-istudenti jesperjenzaw l-imħaba t’Alla. Dan iż-żmien tal-Milied ta’ Ġesù Bambin huwa mument qawwi għall-umanità kollha għax nagħrfu x’dinjità Alla ta lil kull bniedem. Għalhekk nawguralkom Milied qaddis! Xtaqt naqsam magħkom xi affarijiet li saru u li ġejjin.

  1. Bejn il-21 ta’ Novemberu u s-7 ta’ Dicembru 23 parteċipant lestew kors ta’ 3 ġimgħat dwar kif toħloq u tanima prayer spaces.https://sds.mt/events/creating-animating-prayer-spaces-2023/
  1. Jekk fl-iskola ser tanimaw spazju ta’ talb, nixtiequ li nissapportjawkom f’dak li qed tagħmlu. Għalhekk niżlu xi dettlji f’din il-link.

Jekk tixtieq li torganizza Spazju ta’ Talb u tixtieq l-għajnuna tal-SDS, imla dil-formola

  1. Minn Jannar 2024 ser nilqgħu gruppi ta’ studenti tas-sitt sena għal nofs ta’ nhar ta’ esperjenzi spiritwali flimkien bl-isem ‘Ngħixu l-imħabba bil-ferħ’ Ser tkun opportunità biex inkomplu niskopru l-preżenza ta’ mħabba tal-Mulej f’dan iż-żmien partikolari għalihom b’attivitajiet sbieħ u kreattivi. Ħajru skejjel primarji oħra u jistgħu jibbukjaw hawn:https://sds.mt/living-love-joyfully-session/
  1. F’Jannar ser issir attivita oħra parti mill-programm Bil-Qari u l-Kitba insib Spazju għal Qalbi.Iktar dettalji: https://sds.mt/events/eye-catching-wallpaper/

Żur il-Website tal-Edukazzjoni Reliġjuża:

Didàskalos 5/23

Issue No: 2/23  

Issue No: 5 /23  

Kelma mid-Delegat

Rev. Prof. Carl-Mario Sultana

Delegat tal-Konferenza Episkopali għall-Edukazzjoni Reliġjuża

Għeżież Għalliema tar-Reliġjon,

Bħalissa l-kelma fuq fomm kulħadd hija: ‘erġajna lura lejn il-bankijiet tal-iskola’. Dan jgħodd speċjalment għat-tfal li wara l-vaganzi tas-sajf issa reġġgħu daħlu għar-ritmu normali tax-xogħol fil-klassijiet. Imma dan mhux neċessarjament hu l-istess għall-għalliema. Dan għaliex l-għalliema, għalkemm ma jibqax ikollhom l-appuntamenti normali mat-tfal fil-klassijiet fix-xhur tas-sajf, u jnaqqsu wkoll xi ftit mix-xogħol normali tagħhom, huma xorta jkunu impenjati biex jippreparaw għas-sena skolastika ta’ wara. Dan l-impenn ħafna drabi ma jkunx wieħed żgħir.

 

Kemm huwa importanti li nieħdu dan l-impenn tal-preparazzjoni bis-serjetà! U nieħduh kemm nieħduh bis-serjetà qisu dejjem jibqgħalna x’nagħmlu u xi nħejju biex il-formazzjoni li nagħtu fl-iskejjel tagħna tkun waħda dejjem aktar sħiħa u tirrispetta lill-bniedem li qegħdin nedukaw.

 

Is-soċjetà li fiha qegħdin ngħixu, u li fiha qegħdin jgħixu wkoll it-tfal li aħna qegħdin nedukaw ukoll tippreżentalna l-isfidi tagħha għaliex hija soċjetà li ma tridx irbit żejjed, u li għaliha kollox jgħaddi, u li ma hemmx differenza bejn għażla jew oħra fuq kull livell. Għaldaqstant, aħna jista’ jkun li quddiemna jkollna tfal li ma għandhom l-ebda interess fis-suġġett, u li qegħdin preżenti fil-klassi għax ma jistgħux jagħmlu mod ieħor. Dan ma għandux jaqtgħalna qalbna, imma jimliena b’ħeġġa u b’impenn akbar ħalli dawn it-tfal ukoll jikbru u jiffurmaw ruħhom f’cittadini onesti u nsara tajbin.

 

Biex ngħinukom bħala għalliema, l-Uffiċċju tal-Edukazzjoni Reliġjuża qed jipprepara sensiela ta’ laqgħat formattivi. Dawn se jkunu darba bix-xahar, wara l-ħin tal-iskola u jista’ jattendi għalihom min irid, filwaqt li ħadd mhu obbliġat. F’dawn il-laqgħat se nitrattaw diversi temi ta’ interess u li jkomplu jgħinuna nkunu aktar effettivi bħala għalliema mat-tfal tallum. Aktar informazzjoni dwar dawn il-laqgħat nagħtuhom aktar ’l quddiem meta jkollna l-programm finaliżżat.

 

Filwaqt li nirringrazzjakom bil-quddiem tal-impenn u d-dedikazzjoni tagħkom, nawguralkom sena ta’ ħidma fejjieda bħala għalliema.

Jekk xi ħadd ikun irid jikkuntattjani dejjem jista’ jsibni fuq in-numru 79603872 jew bl-email [email protected]

Merħba mill-EO

Għeżież Għalliema,
Nilqagħkom għal sena skolastika ġdida. Id-dedikazzjoni tagħkom biex trawwmu t-tkabbir spiritwali u morali tal-istudenti tagħkom hija sors ta’ ispirazzjoni għalina lkoll.
F'dan il-vjaġġ, intom għandkom rwol importanti fit-tiswir tal-qlub u l-imħuħ tal-istudenti żgħażagħ tagħna. L-għerf, il-kompassjoni, u l-impenn tagħkom biex tagħtu l-valuri u t-tagħlim tal-fidi jipprovdu lill-istudenti tagħkom pedament li fuqu jistgħu jibnu ħajjithom.
Hekk kif tibdew din is-sena akkademika ġdida, ejjew nirriflettu fuq l-impatt profond li għandkom fuq il-ħajja tal-istudenti tagħkom. Il-lezzjonijiet tagħkom jestendu ferm lil hinn mill-klassi, u jnissel fihom mhux biss għarfien iżda wkoll sens ta’ skop, empatija, u l-valuri li jiggwidawhom tul ħajjithom.
Jalla din is-sena skolastika tkun mimlija hena, tkabbir ta' esperjenzi, tagħlim li jkun effettiv għal kull student, rabtiet ta' esperjenzi ħolistiċi bejn l-istudenti u l-għalliema, u fuq kollox esperjenzi spiritwali li jkabbru l-fidi tagħkom u tal-istudenti tagħkom. Flimkien, ejjew inkomplu nispiraw l-għarfien, l-esplorazzjoni tal-fidi, u l-iżvilupp tal-karattru.
Merħba mill-qalb lill-għalliema ġodda wkoll. Il-preżenza tagħkom hija barka, u l-kontribuzzjonijiet tagħkom huma bla qies.
Nistenna bil-ħerqa l-vjaġġ li ġej u l-impatt pożittiv li se tagħmlu kollettivament fuq il-ħajja tal-istudenti tagħna.
Nawguralkom ilkoll sena skolastika sodisfaċenti.

Ms Antoinette Laferla
EO Edukazzjoni Reliġjuża

Mill-Kapijiet tad-Dipartiment tal-Edukazzjoni Reliġjuża

Jiena Stephanie Vella Bezzina u ngħallem fil-Kulleġġ Maria Regina Sekondarja Mosta. Merħba għal din is-sena skolastika ġdida. Matul din is-sena ser inkun qed nieħu ħsieb il-kulleġġi Maria Regina u Santa Margerita. L-email tiegħi huwa [email protected]. Nawgura lil kull għalliem sena ta’ ħidma mal-istudenti tagħna li fiha ngħinuhom jikbru fil-mixja spiritwali tagħhom.

Stephanie Vella Bezzina

Din hija s-26 sena tiegħi li qed naħdem fi skola bħala Kap tad-Dipartiment u għalliem tar-Reliġjon. Ngħallem l-istudenti li jattendu l-iskola sekondarja ta’ Ħad-Dingli li qegħdin fl-għaxar u l-ħax-il sena tagħhom fil-Kulleġġ San Nikola. Ngħin lill-Uffiċjal Edukattiv, Ms Antoinette Laferla, fejn tidħol assistenza lill-għalliema tar-Reliġjon fil-Kulleġġi San Nikola u dak t’Għawdex. Kull min jixtieq jagħmel kuntatt miegħi, jista’ jagħmel dan fuq [email protected] jew iċempel l-iskola fuq 25988350. Jiena nħeġġeġ lill-għalliema kollha biex ikomplu jiżirgħu ż-żerriegħa tal-fidi u tal-imħabba biex dawk li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tagħna, jaraw fina mudell li fuqhom ifasslu l-valuri ta’ ħajjithom. B’kelma xierqa, eżempju tajjeb, għemil f’waqtu, nistgħu mmissu l-qalb ta’ dawk li hemm quddiemna u nressquhom iktar biex jifhmu min hu l-vera Nisrani. Id-dmir tagħna mhuwiex biss marbut li nwasslu l-għarfien tal-kotba jew tas-sillabi mfassla mid-Dipartiment, imma għandna obbligi wisq ikbar li nsawwru u niffurmaw ċittadini b’valuri Nsara.

Stephen Buhagiar

Jiena Manwel Borg, għalliem u Kap tad-Dipartiment tas-suġġett tal-Edukazzjoni Reliġjuża fil-Kulleġġi ta’ San Benedittu, San Ġorġ Preca u San Tumas More. Li tgħallem dan is-suġġett fiż-żminijiet u r-realtajiet tal-llum il-ġurnata żgur mhux xi ħaġa faċli, iżda perważ li b’rieda tajba, bl-impenn , b’kolleġġjalita’, b’reżiljenza u fuq kollox bl-għajnuna ta’ Alla nistgħu nagħmlu dan. Nawguralkom sena skolastika tajba u nirringrazzjkom bil-quddiem tax-xogħol tagħkom mal-istudenti fdati f’idejkom. L-email tiegħi huwa [email protected]

Manwel Borg

Jiena Maria Vella u qegħda fl-iskola medja fil-Kulleġġ San Injazju Tal-Ħandaq, Ħal-Qormi. Bħala Kulleġġi din is-sena minbarra fil-Kulleġġ San Injazju qed ngħin ukoll fil-Kulleġġ Santa Tereża u wkoll fil-Kulleġġ Santa Klara. Filwaqt li nawgura sena mimlija tagħlim u barka lill-għalliema, min ikun jixtieq jikkomunika miegħi, dan hu l-email tiegħi [email protected]

Maria Vella

Avvizi mill-Ispiritual Development in Schools

F’isem l-SDS, Fr Reuben Gauci jawguralek li din is-sena skolastika tkun opportunità biex nersqu lejn il-Mulej Alla u nkomplu niżirgħu t-tama billi ngħixu l-imħabba. 

 

Award in Creating and Animating Prayer Spaces  

Dan il-kors ta’ 6 sessjonijiet fuq 3 ġimgħat jgħinek toħloq u tanima spazji ta’ talb li jgħinu lill-istudenti jikbru fl-interjorità tagħhom u jikbru fir-relazzjoni ma’ Alla, mal-oħrajn u l-ħolqien. Hu kors akkreditat mill-MFHEA. Applika hawn: https://pfi.edu.mt/course/creating-animating-prayer-spaces/

 

Route 2820 – The Educator’s Journey

https://sds.mt/route-2820/

Bħala SDS ħejjejna ġabra ta’ għajnuniet għall-edukaturi biex tkun ta’ għajnuna fil-ħajja spiritwali tiegħek. Fost l-oħrajn issib riflessjonijiet mill-Evanġelju permezz ta’ app, mużika li tgħinek titlob, ġabra ta’ attivitjiet spiritwali u iżjed.

 

Ngħixu l-Imħabba – Tema għas-Sena Skolastika 23-24

https://sds.mt/year-theme/living-love-23-24/

Riflessjonijiet qosra għall-edukaturi u sessjonijiet għar-religious counsellors biex jintużaw mal-istudenti relatati mat-tema ‘Ngħixu l-Imħabba’. Issibu wkoll talb għall-quddiesa u attivitajiet ta’ talb.

 

Programmi u Servizz

Ibqa’ aġġornat/a mal-programmi u riżorsi relatati mal-kura pastorali u l-iżvilupp spiritwali fl-iskola billi żżur https://sds.mt/request/. Tista’ tikkuntattja lil Fr Reuben Gauci, kordinatur tar-religious counsellors u l-Iżvilupp Spiritwali fl-Iskejjel fuq [email protected]

Żur il-Website tal-Edukazzjoni Reliġjuża:

Didàskalos 4/23

Issue No: 2/23  

Issue No: 4/23  

Kelma mid-Delegat

Rev. Dr Carl-Mario Sultana

Delegat tal-Konferenza Episkopali għall-Edukazzjoni Reliġjuża

Għeżież Għalliema tar-Reliġjon,

Ir-Rumani tal-antik kellhom il-proverbju li jgħid li in medio stat virtus jiġifieri li t-triq tan-nofs hija dejjem l-aħjar triq u l-aktar waħda vantaġġjuża. Bħalissa ilkoll ninsabu fiż-żmien tal-mistrieħ fil-vaganzi tas-sajf. Apparti li fis-sħana li tagħmel hawn Malta ftit jibqgħalna ħeġġa u saħħa biex nikkonċentraw fuq il-ħidma impenjattiva tat-tagħlim, irridu nżommu sewwa f’moħħna wkoll li l-mistrieħ huwa neċessarju u mportanti fih innifsu. Dan għaliex il-bniedem mhux maħluq biex jaħdem biss.

Il-mumenti ta’ mistrieħ huma neċessarji biex il-moħħ ukoll jistrieħ, u aktar ’l quddiem nidħlu b’ħeġġa akbar mill-ġdid għar-responsabbiltà tat-tagħlim. Imma dan bħal kull ħaġa oħra jrid isir bil-qies u f’moħħna rridu dejjem inżommu l-fatt li aħna għalliema mhux biss fil-klassi tal-iskola u fil-mumenti fejn inkunu fiżikament fil-kuriduri u fil-bitħa tal-iskola. Aħna għalliema dejjem u kullimkien.

Dan jgħodd għall-għalliema ta’ kull suġġett, imma aktar u aktar għalina li aħna Għalliema tar-Reliġjon. It-tfal li aħna ngħallmu fil-klassijiet tagħna ma jistennewx biss minna li aħna ngħallmuhom is-suġġett, imma li aħna l-ewwel u qabel kollox inkunu xhieda ta’ dak li ngħallmu. Għaldaqstant, aħna ngħallmu ferm aktar bl-eżempju milli bil-kelma. Ejjew noqgħodu attenti għal dan il-fatt, għax dan hu li jagħmilna għalliema awtentiċi, u mhux bil-fomm biss. Dak li jiena nagħmel lilhinn mill-iskola u mill-klassi għandu valur għal dawk kollha li niltaqa’ magħhom, kif ukoll illum fuq il-mezzi tal-komunikazzjoni soċjali moderni. Aħna nafu li xi kultant dellna huwa tqil. Ejjew inkunu konxji ta’ dan ħalli dak li ngħallmu fil-klassi jkun megħjun mill-imġieba tagħna, u mhux imfixkel.

Ejjew nagħarfu din ir-responsabbiltà li aħna għandna u filwaqt li nieħdu l-mumenti meħtieġa ta’ mistrieħ, nerġgħu nimtlew bl-enerġija u l-ħeġġa biex wara l-vaganzi nkomplu fejn inkunu ħallejna b’ħeġġa akbar.

Jekk xi ħadd ikun irid jikkuntattjani dejjem jista’ jsibni fuq in-numru 79603872 jew bl-email [email protected]

Mill-Iskejjel Tagħna.....

Kulleġġ Marija Reġina

Skola Medja Naxxar

Hekk kif ġiet fi tmiemha is-sena skolastika 2022-2023, l-iskola medja tan-Naxxar fi ħdan il-kulleġġ Marija Reġina, għal darb’oħra ħadet ħsieb torganizza quddiesa għall-membri kollha tal-istaff. Bħas-soltu, l-istaff attenda bi ħġaru, xi ħaġa ferm apprezzata mill-għalliema tad-dipartiment tar-Reliġjon li flimkien mad-direttur spiritwali Fr Alfred Vassallo jieħdu ħsieb jorganizzaw din iċ-ċelebrazzjoni ewkaristika.

Din is-sena, il-quddiesa kienet ukoll okkażjoni ta’ ringrazzjament lis-Sinjura Corinne Cilia, li wara ħames snin bħala l-Kap tal-Iskola, se ttemm il-ħidma fejjieda tagħha fl-iskola. Il-Kap dejjem kienet ta’ sostenn fejn jidħol is-suġġett tar-Reliġjon u attivitajiet relatati li jsiru matul is-sena u minn hawn nirringrazzjawha u nawgurawlha għall-futur.

Kif konna ktibna fil-ħarġa preċedenti, statwa tal-Madonna xogħol l-iskultur magħruf Ġanni Bonnici (1932-2019) li kienet ilha fl-iskola numru ta’ snin u li kellha bżonn kbir ta’ restawr kienet qed tiġi restawrata mis-Sur Carmel Bonello artist u għalliem fl-iskola, fuq inizjattiva tas-sur Jonathan Laferla. Fil-fatt, il-quddiesa tal-aħħar saret għall-ewwel darba fejn il-post ġdid li twaħħlet fih l-istatwa biex b’hekk fi tmiem il-quddiesa l-għalliema kollha setgħu ikunu preżenti għall-inawgurazzjoni u t-tberik tagħha minn Fr Alfred Vassallo.

Kulleġġ San Tumas More, iż-Żejtun

Sena skolastika 2022-2023

Fi żmien il-Milied, barra l-quddies animat mid-Direttur Spiritwali tal-iskola Fr Dillon Bugeja ġewwa knisja taż-Żejtun, ġiet organizzata purċissjoni bil-bambin, bil-parteċipazzjoni tal-istudenti tas-Seba’ u t-Tmien sena. Wara, studenti mlibbsa ta’ San Ġużepp, il-Madonna, ir-rgħajja u s-slaten maġi iffurmaw presepju ħaj, fil-ftuħ tal-attività ‘Villaġġ tal-Milied’ b’risq id-Dar tal-Providenza.

Id-Dipartiment tar-Reliġjon ħadem qatigħ sabiex jipprepara programm adattat għall-istudenti tagħna.

L-istudenti tas-Seba’, it-Tmienja u d-Disa’ Sena ġew mistiedna, klassi, klassi, sabiex jirriflettu fuq l-imħabba t’Alla fil-ħajja tagħhom permezz tal-iSpazji ta’ Talb.

L-istudenti tal-Għaxar Sena twasslitilhom riflessjoni fil-klassi tagħhom bl-isem #bekind animata tant tajjeb minn Fr Dillon Bugeja.

Ġiet organizzata purċissjoni bl-istatwa ta’ Ġesù Redentur mill-iskola sal-knisja arċipretali taż-Żejtun, bis-sehem tal-istudenti tas-Seba’ u t-Tmien Sena. Mal-wasla tagħhom fil-knisja ġiet animata l-quddiesa tad-duluri.

Fuq inizjattiva ta’ xi membri tal-istaff, nhar is-Sibt, 25 ta’ Marzu 2023 ġie organizzat nofs ta’ nhar ta’ riflessjoni (fuq bażi volontarja) bl-isem ‘Pitstop’ għall-membri tal-istaff, ġewwa l-kunvent tal-Patrijiet Kapuċċini fil-Kalkara.

Fl-ewwel ġimgħat mill-bidu tas-sena skolastika organizzajna numru ta’ seminars ta’ riflessjoni għall-istudenti tal-Ħdax-il Sena ġewwa l-kunvent tal-Kapuċċini fil-Kalkara. L-istudenti jinqasmu fi gruppi żgħar u jkollhom sessjonijiet ta’ riflessjoni, kif ukoll ftit ħin ta’ talb u adorazzjoni quddiem Ġesù Sagramentat animat minn Fr Jethro Bajada ofm cap. Mill-kummenti tal-istudenti, jidher ċar kemm hawn għatx għal ftit ħin ta’ skiet u kwiet qalb in-natura.

L-istudenti għalqu s-snin tagħhom fil-komunità skolastika tagħna b’quddiesa ta’ ringrazzjament, animata mill-istess studenti.

Matul is-sena, ħadna l-okkażjoni li nieħdu lil Ġesù Sagramentat f’kull klassi (waqt il-lezzjoni tar-reliġjon) u jkollhom ħin ta’ riflessjoni, ħin li l-istudenti tagħna japprezzaw immens!

Avviżi

Għeżież għalliema, 

Nixtieq minn qalbi nirringrazzjakom tal-impenn u s-sapport li tipprovdu lir-religious counsellors fl-iskejjel tal-Istat u c-chaplains fl-iskejjel Indipendenti fil-ħidma tagħhom pastorali u spiritwali. 

Skolasajf 2023 Peace by Piece

F’dax-xhur tas-sajf, bħala SDS ser nanimaw spazji ta’ talb għall-istudenti ta’ skolasajf f’Malta u Għawdex.

Għal aktar dettalji: https://sds.mt/participate-in-sessions-for-skola-sajf-students/

Sena Skolastika 23-24

Qed nippreparaw għajnuniet għas-sena skolastika 23-24 bit-tema ‘Ngħixu l-Imħabba’.

Ser ikun għad-dispożizzjoni tagħkom, riflessjonijiet qosra relatati mat-tema u anke sessjonijiet qosra għar-religious counsellors.

Fil-ġimgħat li ġejjin ser nibgħatulkom il-link għall-paġna tas-sena skolastika 23-24 ‘Ngħixu l-imħabba’. 

Programmi u Servizz

Żuru s-sit sds.mt biex tkunu tafu iktar bil-programmi li nwettqu. Jekk ikollkom bżonn ta’ servizz, imla dil-form:  https://sds.mt/request/

Spiritual Development in Schools

Stay up-to-date with the latest news, resources and tips on pastoral care and spiritual development in schools by visiting https://sds.mt/ or contacting Fr Reuben Gauci, coordinator for Religious Counsellors and Spiritual Development in Schools. Contact Fr Reuben at [email protected] to learn more about the services provided by SDS or visit https://sds.mt/request/ to apply for any of the services offered.

Żur il-Website tal-Edukazzjoni Reliġjuża:

Didàskalos 3/23

Issue No: 2/23  

Issue No: 3/23  

Kelma mid-Delegat

Rev. Dr Carl-Mario Sultana

Delegat tal-Konferenza Episkopali għall-Edukazzjoni Reliġjuża

Għeżież Għalliema tar-Reliġjon,

Iż-żmien igerbeb u ma jistenna lil ħadd. Donnu jaqbad ritmu li xi kultant jiġri bina. Ikollna ħafna idejat u pjanijiet li nkunu nixtiequ nwettqu, imma nindunaw li minn dak li nkunu ppjanajna, inkunu għamilna fil-fatt ftit. Imma dan ma għandux jaqtgħalna qalbna. L-importanti huwa li dak li nagħmlu nagħmluh tajjeb, u ma nagħmluhx biss biex inkunu għamilnieh, jew għaliex hekk imdorrijin nagħmlu, imma għax tassew nemmnu fih.

Madankollu, meta nħarsu lura naraw li nkunu għamilna diversi affarijiet biex niffaċilitaw u ngħinu lill-oħrajn fil-qadi ta’ dmirijiethom. Dan hu li pprova jagħmel l-Uffiċċju tal-Edukazzjoni Reliġjuża tal-Konferenza Episkopali Maltija bil-għajnuna ta’ ħafna nies oħra. Fost l-affarijiet li qegħdin naħdmu fuqhom imma li huma diġà aċċessibbli hija websajt ġdida li fiha informazzjoni u riżorsi li huma ta’ għajnuna fit-tagħlim. Din il-websajt tinsab f’din il-link: www.cre.knisja.mt

Il-websajt hija kemm bil-Malti kif ukoll bl-Ingliz, u fejn stajna għamilna traduzzjoni ta’ dak li kien possibbli li nittraduċu. Tajjeb li tatuha titwila u taraw x’tistgħu tużaw minnha. Aħna wkoll nilqgħu suġġerimenti biex nagħmluha aħjar.

F’Ottubru li ġej, il-Fakultà tal-Edukazzjoni se toffri ukoll il-kors li jwassal għal grad ta’ għalliem/a (MTL in Religious Education) mhux biss filgħodu imma wkoll part-time filgħaxija. B’hekk min diġà qiegħed jgħallem u għandu dak li hu rikjest biex jagħmel l-MTL ikun jista’ jkompli l-istudji tiegħu mingħajr ma jtellef il-ħidma ta’ filgħodu. Bħalissa l-amminstrazzjoni tal-Università għadha ma fetħitx l-applikazzjonijiet għal dan il-kors. Madankollu, jekk xi ħadd huwa interessat jista’ jkellimni biex ninfurmah meta dawn ikunu aċċessibbli. Jiena dejjem ninsisti li aktar kemm inkunu ppreparati għall-ħidma tat-tagħlim, aktar din tħalli effett fuq l-istudenti tagħna.

Nieħu din l-okkażjoni biex nirringrazzjakom tal-ħidma kollha tagħkom fix-xhur li għaddew.

Jekk xi ħadd ikun irid jikkuntattjani dejjem jista’ jsibni fuq in-numru 79603872 jew bl-email [email protected]

Mill-Iskejjel Tagħna.....

Kulleġġ San Benedittu, Skola Medja, Kirkop

Attivitajiet Spiritwali– Sena 2022-2023

Matul din is-sena, Fr Peter Ellul kien jattendi darba fil-ġimgħa, jew l-Erbgħa jew il-Ħamis u kien ikun disponibbli kemm għall-istudenti u kemm għall-membri kollha tal-istaff. Il-preżenza tiegħu, anke dak li bena hu flimkien mal-kappillani tal-parroċċi minn fejn ġejjin l-istudenti tagħna, għamlet effett kbir.

Nhar it-Tnejn, 28 ta’ Novembru, 2022 fis-sala tal-Iskola Sekondarja tal-istess Kulleġġ kellna quddiesa bħala ringrazzjament li l-istudenti tat-Tmien Sena rċevew is-Sagrament tal-Griżma tal-Isqof. Għal din l-okkazzjoni stedinna lill-ġenituri tagħhom li ġew bi ħġarhom. Ippreparajna wkoll tifkira fl-injam lil kull student u studenta. Għal din il-quddiesa kkonċelebraw il-kappillan ta’ Birżebbuġa u ta’ Ħal Kirkop.

It-Tnejn, 19 ta’ Diċembru u l-Erbgħa 21 ta’ Diċembru 2022, kellna erba’ quddisiet mifruxin tnejn f’kull ġurnata. Dan peress li xtaqna li jkollna l-quddies fis-Sala tal-Iskola. It-Tnejn bdejna billi kellna l-purċissjoni bil-bambin mal-kurituri kollha tal-Iskola u kellna l-kant mill-istudenti kollha. Kien hemm atmosfera sabiħa u ferriħija ħafna li daħħlitna lilna lkoll fl-ispirtu tat-Twelid tal-Messija. Peress li l-istudenti kienu mqassmin, setgħu aktar jipparteċipaw fil-Quddiesa. Kellna magħna wkoll lill-kappillan ta’ Birżebbuġa.
Matul ir-Randan, Fr Peter daħal f’kull klassi tar-Reliġjon u għamel lezzjoni bħala l-Ezerċizzi Spiritwali. Dan kien mument ta’ riflessjoni fi żmien li l-Knisja tagħtina biex nindmu u nemmnu fil-Bxara t-tajba.

Peress li din is-sena l-ġurnata tad-Duluri ħabtet btala pubblika, allura l-quddiesa għamilna t-Tnejn ta’ wara. It-Tnejn, 3 ta’ April 2023 għamilna tliet quddisiet fil-bidu tal-Ġimgħa Mqaddsa. Kien mument ta’ riflessjoni li fiha l-istudenti u l-istaff kellu l-opportunità li jirrifletti fuq it-tbatijiet li ġarrbet il-Madonna minħabba binha. Il-kappillan ta’ Birżebbuġa u l-Arċipriet taż-Żurrieq, flimkein ma’ Fr Peter Ellul, kienu magħna għal dawn iċ-ċelebrazzjonijiet Ewkaristiċi.

Nhar it-Tlieta, 9 ta’ Mejju 2023 kellna ġurnata mal-Ewkaristija u Carlo Acutis! Matul il-ġurnata kollha, l-istudenti kienu mqassmin biex jagħmlu madwar għoxrin minuta f’ħin ta’ adorazzjoni fis-skiet u anke jsiru midħla tal-ħajja ta’ Carlo Acutis. Kellna magħna lil Fr Lorrie Zerafa OFM li hu inkarigat mir-relikwa ta’ dan il-Beatu u flimkien ma’ Fr Peter, kemm l-istudenti u kemm l-istaff, kellna ħin biex nieqfu ftit mir-rutina mgħaġġla u nitolbu fis-skiet flimkien.

Avviżi

Idejat għall-Assessjar

Għeżież għalliema,

Grazzi tal-ħidma tagħkom li wettaqtu matul din is-sena skolastika. Napprezza l-fatt li f’dawn iż-żminijiet, is-suġġett jitlob impenn u dedikazzjoni ħafna aktar minn suġġetti oħra. Quddiemna hemm sfidi ġodda li jirrikjedu tibdil kemm fil-preparazzjoni, kif ukoll fl-istrateġija iktar wiesa’ li rridu naddottaw flimkien biex inwasslu l-messaġġ Nisrani b’mod aktar effettiv.

Għaldaqstant, fid-disa’ sena se ndaħħlu sistema ta’ assessjar kontinwu li toffri benefiċċji ġodda lill-istudenti tagħna. F’din il-ħolqa għandkom issibu eżempji ta’ ‘school based assessment’ biex ikunu ta’ għajnuna għalikom.

Aktar informazzjoni prattika u eżempji tistgħu issibuha hawnhekk: https://cre.church.mt/mt/kurrikulu/idejat-ghall-assessjar-id-9-u-l-10-sena/

Għal darb’oħra nirringrazzjakom u j’Alla jkollkom vaganzi ta’ mistrieħ mistħoqq.

Ms Antoinette Laferla
Uffiċċjal Edukattiv

Spiritual Development in Schools

Stay up-to-date with the latest news, resources and tips on pastoral care and spiritual development in schools by visiting https://sds.mt/ or contacting Fr Reuben Gauci, coordinator for Religious Counsellors and Spiritual Development in Schools. Contact Fr Reuben at [email protected] to learn more about the services provided by SDS or visit https://sds.mt/request/ to apply for any of the services offered.

Żur il-Website tal-Edukazzjoni Reliġjuża:

Didàskalos 2/23

Issue No: 2/23  

Issue No: 2/23  

Kelma mid-Delegat

Rev. Dr Carl-Mario Sultana

Delegat tal-Konferenza Episkopali għall-Edukazzjoni Reliġjuża

Għeżież Għalliema tar-Reliġjon,

Bil-Malti ngħidu li l-ewwel ma tiekol l-għajn. Dan ma jgħoddx biss fejn jidħol l-ikel li jħajjrek aktar kemm ikun ippreżentat b’mod sabiħ u li jiġbdek. Inħoss li dan jgħodd ħafna għas-sejħa tagħna ta’ għalliema. It-tfal, iħobbu jew ma jinteressawx ruħhom f’suġġett skont kemm ikollhom simpatija mal-għalliem/a; skont kemm l-għalliem/a jagħmlu s-suġġett tagħhom interessanti; skont kemm l-għalliem/a jkunu konvinti minn dak li qed jgħallmu u jgħixuh qabel ma jitkellmu dwaru.

 

Aħna m’aħniex għalliema ta’ kwalunkwe suġġett imma ta’ suġġett li permezz tiegħu il-bniedem jinfetaħ għal Alla; li permezz tiegħu il-bniedem jiskopri min hu tassew; li fih jitgħallmu li aħna lkoll maħluqin fuq ix-xbieha ta’ Alla, u li fina nġorru din il-marka li tagħmilna differenti minn kull ħolqien ieħor. U hawn nixtieq li nikkwota lill-Papa Franġisku li qalilna li l-insara ma għandhomx ikunu l-poplu tar-Randan imma tal-Għid. Dan ifisser li aħna l-Poplu ta’ Alla salvati bid-demm prezzjuż ta’ Kristu. Għal dan, aħna ma nistgħux inkunu poplu li qisu jonqsu xi ħaġa, għax aħna għandna kollox. Il-ferħ irridu nitrażmettuh lill-istudenti tagħna anki fil-lezzjonijiet li nagħmlu magħhom biex huma jagħarfu dejjem iżjed li aħna l-Poplu li ngħixu u niċċelebraw l-Għid fil-ħajja ta’ kuljum.

 

Mill-banda l-oħra aħna bħala għalliema ma nistgħux nitrażmettu l-ferħ tal-Għid jekk ma nkunux ferħanin u kuntenti, anki f’dak li nagħmlu ta’ kuljum fil-ħidma tagħna bħala għalliema. Ejjew mela nuru li dak li aħna ngħallmu, aħna qegħdin nippruvaw ngħixuh ukoll, u b’hekk dan il-ferħ u l-entużjażmu li aħna għandna għax skoprejna li aħna maħbubin minn Alla jgħaddi b’mod aktar faċli lill-istudenti li b’mod awtomatiku jitħajjru huma wkoll li jkunu bħalna.

Jekk xi ħadd ikun irid jikkuntattjani dejjem jista’ jsibni fuq in-numru 79603872 jew bl-email [email protected]

Mill-Iskejjel Tagħna.....

Attivitajiet reliġjużi f'Pembroke u Skola Medja, Naxxar

Pembroke Secondary

The Year 9 Pembroke Secondary Religion students had the opportunity to practise what they’ve learnt so far in class with regards to the Ecumenical movement and The Great Schism. 

They visited Protestant and Orthodox Churches in Valletta and had time to discuss with the respective leaders, on how they live and share their faith within the community.

 

It was a tangible way to discover and delve further into these Learning Outcomes and not only did the students enjoy it, but even we as Religion teachers were able to experience how amazing it is to be able to come together yet again as one community of faith.

Teachers: Ms Kristie Borg, Mr Marvic Gauci & Ms Charmaine Attard.

Kulleġġ San Injazju, Skola Medja, Qormi

Fit- 28 ta’ Frar tal-2013 sar il-ftuħ uffiċjali tal-iskola Medja ta’ San Injazju. Biex infakkru dan il-jum speċjali f’għeluq l-għaxar snin ta’ ħidma kontinwa f’din l-iskola, it-Tnejn, 27 ta’ Frar 2023, iltqajna lkoll biex nirringrazzjaw lil Alla u lil Ommu Marija għal dak kollu li għamel magħna matul dawn is-snin ta’ mpenn.

Għalhekk għal din l-okkażżjoni biex żgur tibqa’ minquxa fil-memorja tagħna, stedinna fostna lill-Eċċellenza tiegħu l-Arċisqof Charles. J. Scicluna. Flimkien mal-ex Diretturi Spiritwali li ħadmu f’din l-iskola, il-Kappillani u l-Arċiprieti tal-parroċċi minn fejn ġejjin l-għeżież studenti, irringrazzjajna lil Alla permezz tal-Ewkaristija. Din iż-żjara tal-Arċisqof fostna żgur li ħalliet effett spiritwali fina u ta’ valur fil-qalb tagħna l-adulti nkluż it-tfal preżenti. Dan rajnieh biċ-ċar fl-entużjażmu u l-emozzjonijiet li wrew l-istudenti. Grazzi kbira lil dawk li b’xi mod għenu biex din l-okkażżjoni kienet success fosthom il-kor tal-iskola.

Avviżi

Labirint għall-Edukaturi kollha

Fil-5 t’April ser norganizzaw l-esperjenza ta’ talb tal-Labirint għall-edukaturi kollha. Jekk tixtieq navżaw lill-għalliema tar-reliġjon ukoll.

Spiritual Development in Schools

Stay up-to-date with the latest news, resources and tips on pastoral care and spiritual development in schools by visiting https://sds.mt/ or contacting Fr Reuben Gauci, coordinator for Religious Counsellors and Spiritual Development in Schools. Contact Fr Reuben at [email protected] to learn more about the services provided by SDS or visit https://sds.mt/request/ to apply for any of the services offered.

Żur il-Website tal-Edukazzjoni Reliġjuża: