Author: ejgauci

Didàskalos 3/23

Issue No: 2/23  

Issue No: 3/23  

Kelma mid-Delegat

Rev. Dr Carl-Mario Sultana

Delegat tal-Konferenza Episkopali għall-Edukazzjoni Reliġjuża

Għeżież Għalliema tar-Reliġjon,

Iż-żmien igerbeb u ma jistenna lil ħadd. Donnu jaqbad ritmu li xi kultant jiġri bina. Ikollna ħafna idejat u pjanijiet li nkunu nixtiequ nwettqu, imma nindunaw li minn dak li nkunu ppjanajna, inkunu għamilna fil-fatt ftit. Imma dan ma għandux jaqtgħalna qalbna. L-importanti huwa li dak li nagħmlu nagħmluh tajjeb, u ma nagħmluhx biss biex inkunu għamilnieh, jew għaliex hekk imdorrijin nagħmlu, imma għax tassew nemmnu fih.

Madankollu, meta nħarsu lura naraw li nkunu għamilna diversi affarijiet biex niffaċilitaw u ngħinu lill-oħrajn fil-qadi ta’ dmirijiethom. Dan hu li pprova jagħmel l-Uffiċċju tal-Edukazzjoni Reliġjuża tal-Konferenza Episkopali Maltija bil-għajnuna ta’ ħafna nies oħra. Fost l-affarijiet li qegħdin naħdmu fuqhom imma li huma diġà aċċessibbli hija websajt ġdida li fiha informazzjoni u riżorsi li huma ta’ għajnuna fit-tagħlim. Din il-websajt tinsab f’din il-link: www.cre.knisja.mt

Il-websajt hija kemm bil-Malti kif ukoll bl-Ingliz, u fejn stajna għamilna traduzzjoni ta’ dak li kien possibbli li nittraduċu. Tajjeb li tatuha titwila u taraw x’tistgħu tużaw minnha. Aħna wkoll nilqgħu suġġerimenti biex nagħmluha aħjar.

F’Ottubru li ġej, il-Fakultà tal-Edukazzjoni se toffri ukoll il-kors li jwassal għal grad ta’ għalliem/a (MTL in Religious Education) mhux biss filgħodu imma wkoll part-time filgħaxija. B’hekk min diġà qiegħed jgħallem u għandu dak li hu rikjest biex jagħmel l-MTL ikun jista’ jkompli l-istudji tiegħu mingħajr ma jtellef il-ħidma ta’ filgħodu. Bħalissa l-amminstrazzjoni tal-Università għadha ma fetħitx l-applikazzjonijiet għal dan il-kors. Madankollu, jekk xi ħadd huwa interessat jista’ jkellimni biex ninfurmah meta dawn ikunu aċċessibbli. Jiena dejjem ninsisti li aktar kemm inkunu ppreparati għall-ħidma tat-tagħlim, aktar din tħalli effett fuq l-istudenti tagħna.

Nieħu din l-okkażjoni biex nirringrazzjakom tal-ħidma kollha tagħkom fix-xhur li għaddew.

Jekk xi ħadd ikun irid jikkuntattjani dejjem jista’ jsibni fuq in-numru 79603872 jew bl-email [email protected]

Mill-Iskejjel Tagħna.....

Kulleġġ San Benedittu, Skola Medja, Kirkop

Attivitajiet Spiritwali– Sena 2022-2023

Matul din is-sena, Fr Peter Ellul kien jattendi darba fil-ġimgħa, jew l-Erbgħa jew il-Ħamis u kien ikun disponibbli kemm għall-istudenti u kemm għall-membri kollha tal-istaff. Il-preżenza tiegħu, anke dak li bena hu flimkien mal-kappillani tal-parroċċi minn fejn ġejjin l-istudenti tagħna, għamlet effett kbir.

Nhar it-Tnejn, 28 ta’ Novembru, 2022 fis-sala tal-Iskola Sekondarja tal-istess Kulleġġ kellna quddiesa bħala ringrazzjament li l-istudenti tat-Tmien Sena rċevew is-Sagrament tal-Griżma tal-Isqof. Għal din l-okkazzjoni stedinna lill-ġenituri tagħhom li ġew bi ħġarhom. Ippreparajna wkoll tifkira fl-injam lil kull student u studenta. Għal din il-quddiesa kkonċelebraw il-kappillan ta’ Birżebbuġa u ta’ Ħal Kirkop.

It-Tnejn, 19 ta’ Diċembru u l-Erbgħa 21 ta’ Diċembru 2022, kellna erba’ quddisiet mifruxin tnejn f’kull ġurnata. Dan peress li xtaqna li jkollna l-quddies fis-Sala tal-Iskola. It-Tnejn bdejna billi kellna l-purċissjoni bil-bambin mal-kurituri kollha tal-Iskola u kellna l-kant mill-istudenti kollha. Kien hemm atmosfera sabiħa u ferriħija ħafna li daħħlitna lilna lkoll fl-ispirtu tat-Twelid tal-Messija. Peress li l-istudenti kienu mqassmin, setgħu aktar jipparteċipaw fil-Quddiesa. Kellna magħna wkoll lill-kappillan ta’ Birżebbuġa.
Matul ir-Randan, Fr Peter daħal f’kull klassi tar-Reliġjon u għamel lezzjoni bħala l-Ezerċizzi Spiritwali. Dan kien mument ta’ riflessjoni fi żmien li l-Knisja tagħtina biex nindmu u nemmnu fil-Bxara t-tajba.

Peress li din is-sena l-ġurnata tad-Duluri ħabtet btala pubblika, allura l-quddiesa għamilna t-Tnejn ta’ wara. It-Tnejn, 3 ta’ April 2023 għamilna tliet quddisiet fil-bidu tal-Ġimgħa Mqaddsa. Kien mument ta’ riflessjoni li fiha l-istudenti u l-istaff kellu l-opportunità li jirrifletti fuq it-tbatijiet li ġarrbet il-Madonna minħabba binha. Il-kappillan ta’ Birżebbuġa u l-Arċipriet taż-Żurrieq, flimkein ma’ Fr Peter Ellul, kienu magħna għal dawn iċ-ċelebrazzjonijiet Ewkaristiċi.

Nhar it-Tlieta, 9 ta’ Mejju 2023 kellna ġurnata mal-Ewkaristija u Carlo Acutis! Matul il-ġurnata kollha, l-istudenti kienu mqassmin biex jagħmlu madwar għoxrin minuta f’ħin ta’ adorazzjoni fis-skiet u anke jsiru midħla tal-ħajja ta’ Carlo Acutis. Kellna magħna lil Fr Lorrie Zerafa OFM li hu inkarigat mir-relikwa ta’ dan il-Beatu u flimkien ma’ Fr Peter, kemm l-istudenti u kemm l-istaff, kellna ħin biex nieqfu ftit mir-rutina mgħaġġla u nitolbu fis-skiet flimkien.

Avviżi

Idejat għall-Assessjar

Għeżież għalliema,

Grazzi tal-ħidma tagħkom li wettaqtu matul din is-sena skolastika. Napprezza l-fatt li f’dawn iż-żminijiet, is-suġġett jitlob impenn u dedikazzjoni ħafna aktar minn suġġetti oħra. Quddiemna hemm sfidi ġodda li jirrikjedu tibdil kemm fil-preparazzjoni, kif ukoll fl-istrateġija iktar wiesa’ li rridu naddottaw flimkien biex inwasslu l-messaġġ Nisrani b’mod aktar effettiv.

Għaldaqstant, fid-disa’ sena se ndaħħlu sistema ta’ assessjar kontinwu li toffri benefiċċji ġodda lill-istudenti tagħna. F’din il-ħolqa għandkom issibu eżempji ta’ ‘school based assessment’ biex ikunu ta’ għajnuna għalikom.

Aktar informazzjoni prattika u eżempji tistgħu issibuha hawnhekk: https://cre.church.mt/mt/kurrikulu/idejat-ghall-assessjar-id-9-u-l-10-sena/

Għal darb’oħra nirringrazzjakom u j’Alla jkollkom vaganzi ta’ mistrieħ mistħoqq.

Ms Antoinette Laferla
Uffiċċjal Edukattiv

Spiritual Development in Schools

Stay up-to-date with the latest news, resources and tips on pastoral care and spiritual development in schools by visiting https://sds.mt/ or contacting Fr Reuben Gauci, coordinator for Religious Counsellors and Spiritual Development in Schools. Contact Fr Reuben at [email protected] to learn more about the services provided by SDS or visit https://sds.mt/request/ to apply for any of the services offered.

Żur il-Website tal-Edukazzjoni Reliġjuża:

Didàskalos 2/23

Issue No: 2/23  

Issue No: 2/23  

Kelma mid-Delegat

Rev. Dr Carl-Mario Sultana

Delegat tal-Konferenza Episkopali għall-Edukazzjoni Reliġjuża

Għeżież Għalliema tar-Reliġjon,

Bil-Malti ngħidu li l-ewwel ma tiekol l-għajn. Dan ma jgħoddx biss fejn jidħol l-ikel li jħajjrek aktar kemm ikun ippreżentat b’mod sabiħ u li jiġbdek. Inħoss li dan jgħodd ħafna għas-sejħa tagħna ta’ għalliema. It-tfal, iħobbu jew ma jinteressawx ruħhom f’suġġett skont kemm ikollhom simpatija mal-għalliem/a; skont kemm l-għalliem/a jagħmlu s-suġġett tagħhom interessanti; skont kemm l-għalliem/a jkunu konvinti minn dak li qed jgħallmu u jgħixuh qabel ma jitkellmu dwaru.

 

Aħna m’aħniex għalliema ta’ kwalunkwe suġġett imma ta’ suġġett li permezz tiegħu il-bniedem jinfetaħ għal Alla; li permezz tiegħu il-bniedem jiskopri min hu tassew; li fih jitgħallmu li aħna lkoll maħluqin fuq ix-xbieha ta’ Alla, u li fina nġorru din il-marka li tagħmilna differenti minn kull ħolqien ieħor. U hawn nixtieq li nikkwota lill-Papa Franġisku li qalilna li l-insara ma għandhomx ikunu l-poplu tar-Randan imma tal-Għid. Dan ifisser li aħna l-Poplu ta’ Alla salvati bid-demm prezzjuż ta’ Kristu. Għal dan, aħna ma nistgħux inkunu poplu li qisu jonqsu xi ħaġa, għax aħna għandna kollox. Il-ferħ irridu nitrażmettuh lill-istudenti tagħna anki fil-lezzjonijiet li nagħmlu magħhom biex huma jagħarfu dejjem iżjed li aħna l-Poplu li ngħixu u niċċelebraw l-Għid fil-ħajja ta’ kuljum.

 

Mill-banda l-oħra aħna bħala għalliema ma nistgħux nitrażmettu l-ferħ tal-Għid jekk ma nkunux ferħanin u kuntenti, anki f’dak li nagħmlu ta’ kuljum fil-ħidma tagħna bħala għalliema. Ejjew mela nuru li dak li aħna ngħallmu, aħna qegħdin nippruvaw ngħixuh ukoll, u b’hekk dan il-ferħ u l-entużjażmu li aħna għandna għax skoprejna li aħna maħbubin minn Alla jgħaddi b’mod aktar faċli lill-istudenti li b’mod awtomatiku jitħajjru huma wkoll li jkunu bħalna.

Jekk xi ħadd ikun irid jikkuntattjani dejjem jista’ jsibni fuq in-numru 79603872 jew bl-email [email protected]

Mill-Iskejjel Tagħna.....

Attivitajiet reliġjużi f'Pembroke u Skola Medja, Naxxar

Pembroke Secondary

The Year 9 Pembroke Secondary Religion students had the opportunity to practise what they’ve learnt so far in class with regards to the Ecumenical movement and The Great Schism. 

They visited Protestant and Orthodox Churches in Valletta and had time to discuss with the respective leaders, on how they live and share their faith within the community.

 

It was a tangible way to discover and delve further into these Learning Outcomes and not only did the students enjoy it, but even we as Religion teachers were able to experience how amazing it is to be able to come together yet again as one community of faith.

Teachers: Ms Kristie Borg, Mr Marvic Gauci & Ms Charmaine Attard.

Kulleġġ San Injazju, Skola Medja, Qormi

Fit- 28 ta’ Frar tal-2013 sar il-ftuħ uffiċjali tal-iskola Medja ta’ San Injazju. Biex infakkru dan il-jum speċjali f’għeluq l-għaxar snin ta’ ħidma kontinwa f’din l-iskola, it-Tnejn, 27 ta’ Frar 2023, iltqajna lkoll biex nirringrazzjaw lil Alla u lil Ommu Marija għal dak kollu li għamel magħna matul dawn is-snin ta’ mpenn.

Għalhekk għal din l-okkażżjoni biex żgur tibqa’ minquxa fil-memorja tagħna, stedinna fostna lill-Eċċellenza tiegħu l-Arċisqof Charles. J. Scicluna. Flimkien mal-ex Diretturi Spiritwali li ħadmu f’din l-iskola, il-Kappillani u l-Arċiprieti tal-parroċċi minn fejn ġejjin l-għeżież studenti, irringrazzjajna lil Alla permezz tal-Ewkaristija. Din iż-żjara tal-Arċisqof fostna żgur li ħalliet effett spiritwali fina u ta’ valur fil-qalb tagħna l-adulti nkluż it-tfal preżenti. Dan rajnieh biċ-ċar fl-entużjażmu u l-emozzjonijiet li wrew l-istudenti. Grazzi kbira lil dawk li b’xi mod għenu biex din l-okkażżjoni kienet success fosthom il-kor tal-iskola.

Avviżi

Labirint għall-Edukaturi kollha

Fil-5 t’April ser norganizzaw l-esperjenza ta’ talb tal-Labirint għall-edukaturi kollha. Jekk tixtieq navżaw lill-għalliema tar-reliġjon ukoll. Il-poster huwa mehmuż.

Spiritual Development in Schools

Stay up-to-date with the latest news, resources and tips on pastoral care and spiritual development in schools by visiting https://sds.mt/ or contacting Fr Reuben Gauci, coordinator for Religious Counsellors and Spiritual Development in Schools. Contact Fr Reuben at [email protected] to learn more about the services provided by SDS or visit https://sds.mt/request/ to apply for any of the services offered.

Żur il-Website tal-Edukazzjoni Reliġjuża: