Issue No: 5/25
Issue No: 6/25
Kelma tal-Isqof

Monsinjur Anton Teuma
Isqof ta’ Għawdex
Żewġ modi kif ngħallmu
Għeżież għalliema, intom ġejtu fdati b’missjoni sabiħa imma fl-istess waqt impenjattiva ħafna. Illum li tgħallem ir-reliġjon saret sfida impenjattiva. Intom imsejħin tgħinu lill-istudenti isiru jafu dwar il-persuna ta’ Ġesù, il-ħsibijiet tiegħu, ir-raġunamenti tiegħu, is-sentimenti tiegħu, l-għażliet tiegħu. Hekk, l-istudenti jkollhom l-għarfien neċessarju biex jistgħu jieħdu d-deċiżjonijiet tagħhom skont l-età li jkunu fiha.
Dan l-għarfien ta’ Ġesù, l-istudenti tagħkom jagħmluh b’żewġ modi: bit-tagħlim, bir-riċerka u bl-istudju li jsir fil-klassi u barra mill-klassi; u bil-mod ta’ kif intom iġġibu ruħhom magħhom fil-ħin li tgħaddu flimkien. Dawn iż-żewġ modi huma fundamentali biex it-tagħlim tar-reliġjon ikun sħiħ, almenu minn naħa tal-iskola.
Fil-klassijiet tagħkom tiltaqgħu ma’ studenti li għandhom l-esperjenzi sbieħ u koroh tal-ħajja tagħhom. Huma għandhom ix-xewqat, l-inċertezzi u t-tamiet tagħhom. Xi wħud għandhom fuq min iserrħu, oħrajn diġà jgħixu l-esperjenza tas-solitudni. Oħrajn jiġu għandna bi ġrieħi inviżibbli għal min ma jħarisx lejhom b’għajnejn sensittivi. Il-vokazzjoni tagħkom hi li tħarsu lejhom bl-għajnejn ta’ Ġesu: b’kompassjoni, paċenzja u qalb li lesta takkumpanja. Meta tagħżlu li tħobbu lill-istudenti tagħkom, li tirrispettaw id-dinjità tagħhom u tgħinuhom jikbru fil-għerf u fl-imħabba, intom tkunu mhux biss qed twettqu d-dmir tagħkom, imma wkoll tkunu qed twieġbu għax-xewqat l-aktar profondi tagħkom stess: ix-xewqa li tħobbu u tkunu maħbubin, li tagħtu ruħkom, li tieħdu sehem fil-ħajja stess ta’ Alla.
Ġesù jgħallimna li nħobbu lill-oħrajn hija l-unika triq biex ngħixu l-ħajja fil-milja tagħha. Dan jgħodd għall-insara kollha, imma b’mod speċjali għal min huwa msejjaħ li jgħallem il-kristjaneżmu. F’din l-għotja ta’ kuljum tagħkom, kultant mhix rikonoxxuta, kultant b’ħafna għejja, jew mgħobbija bil-problemi u bl-inkwiet personali, hemm it-twettiq tal-vokazzjoni tagħkom. Kull att ta’ paċenzja, kull mument ta’ smigħ ġenwin, kull sforz biex iġġibu tama lill-istudenti, minkejja dak li tkunu għaddejjin minnu intom, isir mod kif Kristu jgħix permezz tagħkom.
Jalla tkomplu tgħallmu b’qalb kbira u fi spirtu ta’ xhieda biex jitwettqu x-xewqat l-aktar profondi li Alla nnifsu żera’ fikom permezz tal-vokazzjoni tagħkom.
Nitlob għalikom.
Dun Carl-Mario Sultana u l-Membri tar-Religious Education Board jixtiequ l-Milied u s-Sena t-Tajba mimlija bil-barka tal-Mulej lill-Għalliema tar-Reliġjon u lill-familji tagħhom.
Mill-Iskejjel tagħna - Radju Marija
Għal sena oħra ġejna mistiedna minn Radju Marija biex l-istudenti minn skejjel Medji u Sekondarji jieħdu sehem fil-programm ‘Mad-Direttur’ nhar ta’ Tlieta fl-10:00a.m.L-istudenti flimkien mal-għalliema tar-Reliġjon ikunu mistiedna biex jippreparaw informazzjoni dwar xi qaddis, persuni li jagħmlu l-ġid jew temi marbuta mar-Reliġjon.
L-esperjenza għoġbot ħafna lill-istudenti li attendew għax minbarra li jkollhom esperjenza fuq ir-radju huma jidħlu f’diskussjoni fuq is-suġġett/persuna/tema li jkunu għażlu mad-direttur Fr. Antoine Borg. Din is-sena ser inkomplu noffru din l-esperjenza għall-istudenti tagħna. J’Alla joħroġ ħafna ġid spiritwali mal-istudenti kif ukoll mal-għalliema li jgħinu lill-istudenti jippreparaw u mhux inqas mas-semmiegħa ta’ Radju Marija.
Avvizi mill-Ispiritual Development in Schools
Waqt is-seminar ‘Sticky Note Prayers – How Prayer Spaces is transforming young lives” Fr Eric Cachia sdb u Phil Sokell Miles ikkontribwixxew biex 100 edukatur li pparteċipaw waqt is-seminar ikomplu jsaħħu l-għarfien tagħhom dwar ir-rabta bejn l-iżvilupp spiritwali u l-benesseri sħiħ tal-persuna speċjalment tat-tfal u ż-żgħażagħ. B’referenza partikolari lejn prayer spaces, diversi edukaturi qasmu l-esperjenza tagħhom. Fost l-oħrajn is-Sa Rosemary Mifsud, deputy head fl-iskola primarja tal-Mellieħa qalet: “L-istaff ippjana li jagħmlu nofs siegħa fil-prayer space. Madanakollu baqgħu hemm għal siegħa u nofs! Prayer Spaces jagħtuna ħafna u aħna nagħtu hafna lura lill-istudenti tagħna.”
Tista’ taqra iktar dwar esperjenzi oħra, tara r-ritratti u ssegwi highlights hawn: https://sds.mt/events/sticky-note-prayers-seminar/
Għadek fiċ-ċans li tixtri l-ktieb ‘ Sticky Note Prayers’ ta’ Phil Sokell-Miles bi skont ta’ 25% biex il-prezz ikun ta’ 15 Euro. Kurjuż taqra x’hemm f’paġna 76? Ixtrih minn hawn:
https://sds.mt/events/sticky-note-prayers-seminar/#book

Fadal xi dati available biex l-istudenti tas-6 u t-8 sena jipparteċipaw fis-sessjoni dinamika fuq it-tranżizzjoni li ser jagħmlu bejn l-iskejjel. Dawn is-sessjonijiet qed jgħinu lill-istudenti jagħrfu li f’dan il-proċess ta’ bdil ta’ skola, ħbieb, għalliema u ħafna aspetti oħra, Alla huwa magħhom ukoll. Għall-grazzja t’Alla jkunu esperjenza sabiħa dejjem. Idħol hawn biex tibbukja: https://sds.mt/programmes/living-love-joyfully-session/

Nhar is-Sibt 11 u 18 ta’ April 2026 flimkien mal PFI ser nipprovdu opportunità ta’ formazzjoni spiritwali għall-edukaturi permezz ta’ spazji ta’ talb għal żmien il-Għid. Ser tkun opportunità sabiħa għal min jixtieq jinżel iktar fil-fond ta’ dan iż-żmien qaddis. Ibbukja l-parteċipazzjoni tiegħek hawn: https://sds.mt/events/prayer-spaces-at-easter/
Opportunità oħra li ser noffru għalikom l-edukaturi hija ġimgħa f’Taizé. Din ser tkun bejn il-Ħadd 6 ta’ Settembru u 13 ta’ Settembru 2026. Jekk għandek interess li tiġi, ibgħatli fuq [email protected]. Iktar informazzjoni toħroġ dal-waqt.






