Issue No: 5/24
Issue No: 5/24
Kelma tal-Isqof
Monsinjur Anton Teuma
Isqof ta’ Għawdex
Għeżież,
Iż-żmien tal-Avvent u tal-Milied normalment iġib miegħu sensazzjonijiet sbieħ. Jista’ jkun li minħabba xi ġrajjiet ta’ ħajjitna li ġraw fil-passat qarib jew imbiegħed, dan iż-żmien iġib miegħu dwejjaq u toqol. Imma anke jekk hu hekk, id-dwejjaq u t-toqol aktarx ikunu reazzjoni li ġejja minn xewqa aktar profonda li dan iż-żmien jiġi assoċjat mal-ferħ.
Huwa ż-żmien tal-għoti u tar-riċeviment tar-rigali. Fi kliem ieħor huwa ż-żmien taċ-ċirkolazzjoni tal-imħabba: imħabba mogħtija u riċevuta. U dan hu li jagħmel dan iż-żmien speċjali.
Fl-aħħar mill-aħħar l-imħabba mogħtija u riċevuta hija l-essenza tal-Kristjaneżmu li aħna msejħin ngħixu u li msejħin ngħallmu. Ġesù hu dak li jħobb u fl-istess waqt il-maħbub tal-Missier, b’tali mod li lkoll kemm aħna, fih u miegħu nagħmlu esperjenza tal-imħabba tal-Missier għalina u nħobbuh lura. Din l-imħabba mingħand u lejn il-Missier, bħalma jiġri f’familja sana, tiġi kondiviża fl-imħabba lejn u mingħand l-aħwa.
Din iċ-ċirkolazzjoni tal-imħabba hija l-essenza tal-ferħ uman u nisrani, u hija wkoll l-essenza tas-sejħa tagħna bħala għalliema.
L-għalliema Kristjani jinsabu kontinwament f’mixja ta’ formazzjoni. Fi kliem aktar ta’ fidi nistgħu ngħidu, mixja ta’ konverżjoni. F’dan il-kuntest, l-ewwel sejħa tal-għalliema hi li jkomplu jitgħallmu! L-għarfien innifsu hu mod kif Alla jħobb lilna uliedu u kif aħna nikbru fl-għarfien ta’ Alla, hu li hu l-verità. Iċ-ċirkolazzjoni tal-għarfien u dik tal-imħabba jmorru ħaġa waħda flimkien. Mhux ta’ b’xejn li Alla ħabbna tant li bagħat lill-Ibnu fid-dinja biex jgħarrafna minhu tassew!
Nawguralkom minn qalbi Avvent u Milied tajjeb.
Mill-Iskejjel
Kulleġġ San Tumas More, Carlo Diacono, Skola Medja u Sekondarja, iż-Żejtun
Ir-Re jsir is-Seftur!
Adorazzjoni għall-istudenti tal-Ħdax-il Sena
L-Erbgħa, 20 ta’ Novembru 2024, ġewwa s-sala tal-iskola, l-istudenti tagħna tal-Ħdax-il Sena, sabu ambjent mhux tas-soltu jilqagħhom… Dawl ikkontrollat, mużika sabiħa fl-isfont, xemgħat mixgħula, seating komdu… L-istudenti tagħna daħlu f’din l-atmosfera u rriflettew, talbu, siktu, ħasbu, fuq kif Alla, ir-Re tas-Smewwiet, sar ‘Immanuel’… ‘Alla magħna’. Semgħu bil-kwiet riflessjonijiet dwar is-suġġett u ħasbu fuq dak li bħalissa qed itaqqalhom, ibeżżagħhom, joħolqilhom ansjetà, rabja, dwejjaq, qtugħ ta’ qalb… Dakinhar, is-Seftur (Alla) kien qalb l-istudenti, l-għalliema u l-LSEs tagħna… Resaq viċin tagħhom biex, kull individwu jkun jista’ jiffissa l-ħarsa tiegħu fuqU… Fl-aħħar berikna lkoll bil-ħlewwa tiegħU kollha. Lura fil-klassijiet tagħhom, l-istudenti tagħna ġew imħeġġa jieħdu magħhom sentimenti ta’ paċi, ta’ maħfra, ta’ tolleranza, ta’ aċċettazzjoni u ta’ rilassament, kemm tal-moħħ, kif ukoll tal-qalb… Iżda l-isbaħ sentiment huwa li, dan Alla, tant iħobbni, li kien lest isir Seftur għalija biex jien insir re/reġina!Avvizi mill-Ispiritual Development in Schools
Bit-tema ‘Niżirgħu t-Tama’ l-SDS mexxiet laqgħa bejn l-Arċisqof Scicluna u r-Religious Counsellors. L-Arċisqof esprima li huwa kruċjali li nilħqu liż-żgħażagħ u lit-tfal fil-postijiet fejn jinsabu b’mod partikolari fl-iskejjel.
https://sds.mt/programmes/living-love-joyfully-session/
Iż-żmien ta’ tranżizzjoni għall-istudenti tas-6 u t-8 sena jista’ jkun ta’ sfida u għalhekk qed noffru għajnuna lil dawn l-istudenti biex jgħixu daż-żmien b’iktar kuraġġ. Ġewwa l-RE Hub f’ Sta Venera, qed noffru sessjoni ta’ nofs ta’ nhar mżewwaq u li jgħin spiritwalment lill-istudenti. Aqra iżjed dwar dis-sessjoni u ħajjar lill-iskola primarja u medja biex japplikaw.
Bħala SDS ħejjejna ġabra ta’ għajnuniet għalik bħala edukatur biex jgħinuk fil-mixja spiritwali tiegħek. Issib riflessjonijiet mill-Evanġelju permezz ta’ app, mużika li tgħinek titlob, ġabra ta’ attivitjiet spiritwali u iżjed.
L-SDS toffri PD sessions kemm dwar il-benesseri spiritwali tal-edukaturi u dwar anke introduzzjoni għall-prayer spaces. Fis-7 ta’ Novembru 2024 l-SDS offra sessjoni dwar il-benesseri spiritwali lill-edukaturi tal-iskola Santa Klara Primarja A f’ Ħaż-Żabbar. Matulha kien hemm diversi attivitajiet fosthom esperjenza ta’ spazji ta’ talb, u preżentazzjoni informattiva dwar il-ġid spiritwali. Ipproponu din l-idea lit-tmexxija tal-iskola.
Bi pjaċir qed inħabbru l-ewwel ‘Prayer Spaces Kit’! Dan il-kit huwa ddisinjat apposta għall-edukaturi li jixtiequ jibdew janimaw spazji ta’ talb fl-iskejjel tagħhom għall-ewwel darba.
Dan il-kit jinkludi riżorsi u istruzzjonijiet li jgħinek toħloq spazji ta’ riflessjoni u talb u li jgħinu lit-tfal jesploraw l-ispiritwalità b’mod interessanti u sinifikanti.
Ordna l-kit tiegħek hawn: https://sds.mt/resource/prayer-spaces-kit/
L-SDS ħoloq Kalendarju tal-Avvent onlajn għall-istudenti tas-snin bikrin, primarja, medja u sekondarja biex iħejju spiritwalment għat-twelid ta’ Ġesù, billi jiskopru messaġġi u attivitajiet kuljum matul dan iż-żmien speċjali.
Ikklikkja fuq l-istampa tal-ġurnata. L-ewwel tieqa se tiftaħ fl-1 ta’ Diċembru 2024 – l-Ewwel Ħadd tal-Avvent.
Skopri l-kalendarji hawn https://sds.mt/resource/advent-christmas-in-style/#adventcalendars
Matul dis-sena skolastika l-SDS qed toffri diversi programmi u servizzi għall-etajiet diffferenti. Tista’ taqra dwar dal-programmi hawn: https://sds.mt/programmes/ fil-waqt li tista’ titlob xi servizz mill-SDS billi żżur https://sds.mt/request/.
Ħossok libera li tikkuntattja lil Fr Reuben Gauci, kordinatur tar-religious counsellors u l-Iżvilupp Spiritwali fl-Iskejjel fuq [email protected]
Matul ix-xahar t’Ottubru saru erba’ sessjonijijet ta’ Soul Speak’ għat-tfal tal-primarja mill-Year 4 sal-Year 6 (8-10 snin). It-tfal ingħataw l-opportunità li jitħarrġu fil-Proċess tal-Kitba permezz ta’ attivitajiet immaġinattivi u riflessivi li jħeġġuhom jitolbu b’mod kreattiv.
Għal aktar informazzjoni https://sds.mt/programmes/soul-speak-programme/