Issue No: 5/24
Issue No: 5/24
Kelma tal-Isqof
Monsinjur Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju ta' Malta
L-ankra tar-ruħ
Għeżież għalliema tar-Reliġjon,
Qegħdin inħejju ruħna għall-Ġublew 2025 li għandu bħala tema “Pellegrini tat-Tama”. Il-missjoni tagħkom bħala għalliema tar-Reliġjon għandha tagħmilkom tassew dawk li jwasslu t-tama lil tant studenti li tiltaqgħu magħhom.
Nixtieqkom, qabel xejn, tinnutaw dak li hu speċifiku għat-tama Nisranija. Il-kelma “tama” għal ħafna nies tfisser li hemm xewqa għal xi ħaġa tajba jew aħjar, imma hemm ukoll dubju u inċertezza. Meta ngħid: “nittama li jkolli riżultati tajbin”, hemm ix-xewqa u stennija ta’ xi ħaġa tajba imma hemm ukoll, fil-qiegħ, id-dubju, l-inċertezza. Hu għalhekk li min hu xettiku jħobb juża l-espressjoni bil-Malti “min jgħix bit-tama jmut bil-piena”.
Imma t-tama Nisranija mhijiex mibnija fuq xewqa mħallta ma’ dubju. Mhijiex mibnija fuq l-inċertezza. Hi msejsa fuq iċ-ċertezza tal-imħabba ta’ Alla li ssawbet fi qlubna permezz tal-Ispirtu s-Santu. It-tama Nisranija twieġeb għad-dubji tagħna li nħossu fil-fond ta’ qalbna, iva, imma hija tama li għandha l-bażi f’din l-imħabba li ma tqarraqx bina.
Kif jgħid il-Papa Franġisku fil-Bolla tal-Indizzjoni tal-Ġublew, it-tama hija l-“ankra tar-ruħ” (Lhud 6:19). Titwieled mill-imħabba u tissejjes fuq l-imħabba ħierġa mill-Qalb ta’ Ġesù minfuda fuq is-salib. “Alla, għani fil-ħniena, bis-saħħa tal-imħabba kbira li biha ħabbna, meta konna mejta minħabba dnubietna, tana ħajja ġdida flimkien ma’ Kristu, qajjimna miegħu, u qegħedna fis-smewwiet ma’ Kristu Ġesù, biex juri fiż-żminijiet li ġejjin l-għana bla qies tal-grazzja tiegħu bit-tjieba li wera magħna fi Kristu Ġesù” (Ef 2:4-7).
It-tama Nisranija ma ċċedix fid-diffikultajiet. Ix-xbieha tal-ankra, li l-Papa Franġisku jsemmi, tgħinna nifhmu l-istabbiltà u s-sigurtà li, qalb l-ilmijiet imċaqalqa tal-ħajja, jista’ jkollna jekk nafdaw fil-Mulej Ġesù. It-tempesti ma jegħlbuniex, għax aħna ankrati fit-tama tal-grazzja, li kapaċi tagħtina l-ħajja fi Kristu waqt li negħlbu d-dnub, il-biża’ u l-mewt.
Is-sejħa lilna hija li nagħrfu nħaddnu din it-tama li tagħti l-orjentament, tindika d-direzzjoni u l-finalità tal-ħajja tagħna. B’dan il-mod, nistgħu nkunu tassew dawk li nwasslu t-tama lil dawk li magħhom inkunu fi djalogu waqt il-ħidma edukattiva tagħna bil-kelma tagħna, kif ukoll bl-azzjoni tagħna – b’ħarsa fraterna, b’widna sinċiera, b’servizz ġeneruż.
Il-Mulej iberikkom.
Joseph Galea Curmi
Mill-Iskejjel
COPE Mejju 2024 – Assessjar Years 7 u 8
Talba ta’ Għalliema tar-Reliġjon
Talba…
Is-16-il sena tiegħi…
Mal-għabex ta’ qabel sena skolastika oħra,
nitlob għall-qawwa biex niggwida, ngħallem, nieħu ħsieb,
mhux biss permezz tal-lezzjonijiet, imma għal ħidma ħolistika u qatigħ.
Nitlob għall-paċenzja,
meta sfidi jitfaċċaw,
ngħinhom jikbru,
kapaċi jagħżlu,
biex jibqgħu jimmaturaw.
Nitlob li ngħallem mhux biss fatti, imma li jaraw l-aħjar mod kif jgħixu,
kif jitkellmu kontra l-inġustizzji,
u li b’għażliethom ikunu sodisfatti.
Jalla b’din il-ħidma nkun xi ħadd li jistgħu jafdaw,
tbissima,
kelma,
widna li tisma’.
Infittex li nittrattahom bi ħlewwa,
li nispirahom,
u fi żmien ta’ dubji b’mod ġentili u sewwa
nbegħedhom ‘il bogħod mid-dnewwa.
Għax għal xi wħud,
jaf inkun l-unika persuna,
li wrejthom id-dawl
minn fost ħafna uċuħ.
Dan mhux biss sempliċiment xogħol, din hija sejħa,
missjoni
biex ngħinhom jikbru,
iqumu meta jaqgħu,
li nixtieq din is-sena wkoll
nagħmel b’dedikazzjoni!
Ritianne Frendo
Avvizi mill-Ispiritual Development in Schools
Nixtieq nawguralek sena skolastika mimlija opportunitajiet biex nagħrfu lill-Mulej Alla u nkomplu niżirgħu t-tama f’kull ċirkostanza. Nixtieq nippreżentalek ukoll diversi opportunitajiet għalik u għall-istudenti li qed noffruhom bħala SDS:
Award in Creating and Animating Prayer Spaces
Trid tifhem aħjar u tanima prayer spaces? Il-kors ta’ 6 sessjonijiet fuq 3 ġimgħat jgħinek toħloq u tanima spazji ta’ talb biex l-istudenti jikbru fir-relazzjonijiet tagħhom ma’ Alla, magħhom infushom, mal-oħrajn u l-ħolqien. Hu kors akkreditat mill-MFHEA. Il-kors li jmiss jibda f’Novembru 2024. Applika hawn: https://pfi.edu.mt/course/creating-animating-prayer-spaces/
Tema għas-Sena Skolastika 24-25
Fost l-oħrajn issib: Riflessjonijiet qosra għalik u sessjonijiet għar-religious counsellors biex jintużaw mal-istudenti relatati mat-tema ‘Niżirgħu t-Tama’. Issibu wkoll talb għall-quddiesa u attivitajiet ta’ talb, bil-Malti u bl-Ingliż.
Fost l-oħrajn issib: Riflessjonijiet qosra għalik u sessjonijiet għar-religious counsellors biex jintużaw mal-istudenti relatati mat-tema ‘Niżirgħu t-Tama’. Issibu wkoll talb għall-quddiesa u attivitajiet ta’ talb, bil-Malti u bl-Ingliż.
Route 2820 – The Educator’s Journey
Bħala SDS ħejjejna ġabra ta’ għajnuniet għalik bħala edukatur biex jgħinuk fil-mixja spiritwali tiegħek. Issib riflessjonijiet mill-Evanġelju permezz ta’ app, mużika li tgħinek titlob, ġabra ta’ attivitjiet spiritwali u iżjed.
Programmi u Servizz
Matul dis-sena skolastika l-SDS qed toffri diversi programmi u servizzi għall-etajiet diffferenti. Tista’ taqra dwar dal-programmi hawn: https://sds.mt/programmes/ fil-waqt li tista’ titlob xi servizz mill-SDS billi żżur https://sds.mt/request/.
Ħossok libera li tikkuntattja lil Fr Reuben Gauci, kordinatur tar-religious counsellors u l-Iżvilupp Spiritwali fl-Iskejjel fuq [email protected]