Issue No: 2/23  

Issue No: 2/24  

Kelma tal-Arċisqof

Monsinjur Charles Jude Scicluna

Arċisqof ta’ Malta

Għeżież Għalliema tar-Reliġjon,

Fl-Ittra Pastorali għal żmien ir-Randan ta’ din is-sena, jiena qsamt magħkom ftit ħsibijiet fuq ħames barkiet u doni mislutin mill-Innu Malti. Dawn huma d-dehen, il-ħniena, is-saħħa, il-għaqda u s-sliem. Xtaqt li nerġa’ nipproponilkom li tirriflettu fuq dawn il-ħames valuri mhux biss biex tgħixuhom intom bħala għalliema imma biex fir-rwol tagħkom ta’ edukaturi tkunu intom stess li tipproponuhom mill-ġdid lill-istudenti tagħkom bħala gwida għall-ħajja tagħħom.

Id-don tad-dehen huwa don prezzjuż ħafna għaliex permezz tiegħu il-bniedem jagħraf jagħżel dak li hu tajjeb minn dak li hu ħażin. Forsi din hija l-aktar ħaġa evidenti f’kull sistema edukattiva: li l-istudent jitgħallem jixtarr u jagħżel dak li hu tajjeb, lilhinn mill-interessi personali.

Id-don tal-ħniena jgħinna biex inkunu l-ħin kollu b’għajnejna u widnejna miftuħin biex nisimgħu il-karba tal-proxxmu tagħna. Dan qed isir aktar diffiċli fid-dinja li fiha qegħdin ngħixu. Mill-banda l-oħra l-ambjent tal-iskola u tal-klassi jagħti lill-istudenti ħafna possibilitajiet li juru din il-ħniena ma’ xulxin; li jisimgħu il-karba ta’ dawk li huma fil-bżonn, imqar ta’ sinjal ta’ maħfra.

Id-don tas-saħħa jiftħilna l-bibien biex inħarsu lejn il-bniedem b’mod sħiħ. Hawn għandna fejn naħdmu ħafna mal-istudenti li ħafna drabi jista’ jkun li ftit jagħtu importanza lis-saħħa spiritwali. Bħala għalliema intom tinsabu f’pożizzjoni privileġġjata biex tgħinu lill-istudenti jagħmlu esperjenza spiritwali sabiħa, u li meta tikkumplimenta s-saħħa fiżika tal-bniedem toħroġ b’mod aktar ċar il-kobor tal-bniedem u x-xbieha ta’ Alla li hemm fil-bniedem.

Id-don tal-għaqda huwa ferm importanti għas-soċjetà li qegħdin ngħixu fiha. Jekk ma tkunux intom l-għalliema ħolqa f’din il-katina li flimkien ma’ oħrajn issaħħaħ il-għaqda, allura nkunu qegħdin noħolqu soċjetà li teqred lilha nnifisha. Hija l-għaqda li ġġib il-prosperità u l-ġid lil kull settur fis-soċjetà.

Fl-aħħar hemm id-don tas-sliem li jibni fuq dawk ta’ qablu. Is-sliem ma jiġix mix-xejn, imma mill-fatt li l-bniedem ikun f’paċi miegħu innifsu, mal-oħrajn u wkoll ma’ Alla. Is-sliem huwa r-rigal li offra Kristu Rxoxt lid-dixxipli tiegħu u qed joffrih lilna wkoll illum. Imma dan is-sliem irridu naħdmu għalih u rridu nedukaw lill-istudenti li dan ma jiġix waħdu. Is-sliem huwa frott l-għaqal u frott it-tiftix tal-bniedem għall-paċi.

Meta l-bniedem jibda jgħix dawn il-ħames doni, allura jkun qiegħed jgħix il-frott tal-Għid li kisbilna Ġesù bil-mewt u l-qawmien tiegħu mill-imwiet. Dan hu dak li qegħdin niċċelebraw f’dawn il-ġranet. J’alla lkoll kemm aħna nagħrfu l-bżonn li ngħixu aħna stess dawn il-valuri u li nedukaw lill-oħrajn biex jgħixuhom ukoll.

Il-paċi magħkom.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta

Laqgħa ta’ Djalogu tal-Għalliema

tar-Reliġjon mal-Arċisqof

📆Meta: It-Tlieta 11 ta’ Ġunju 2024

⌛Ħin: 6pm

📍Fejn: RE Hub – St Joseph Home Santa Venera

Mill-Iskejjel Tagħna

Kulleġġ Marija Reġina
Skola Sekondarja Mosta (ex-Lily of the Valley)

Randan 2024

Bħala preparazzjoni għall-festa tal-Għid il-Kbir u bħala attività tar-Randan, l-istudenti tal-għaxar sena ġew mistiedna jagħmlu xogħol volontarju barra mill-iskola. L-istudenti ġew maqsuma fi tliet gruppi: grupp mar fid-Dar tal-Anzjani San Vinċenz de Paule, grupp ieħor id-Dar tal-Providenza, is-Siġġiewi u t-tielet grupp mar Il-Loop Djakonija Parroċċi, Ħal Balzan.


Wara preparazzjoni li saret l-iskola minn qabel minn Fr Roderick Baldacchino u l-għalliema tar-Reliġjon, l-istudenti taw l-għajnuna tagħhom bil-qalb u ħadu sehem f’dak kollu li ġew mitluba jagħmlu.


F’San Vinċenz, minbarra li l-istudenti qattgħu ftit ħin jitkellmu mal-anzjani, xi studenti qasmu t-talenti tal-kant mar-residenti u anke ħadu sehem f’xi logħob magħhom. L-istudenti li marru d-Dar tal-Providenza, minbarra li hadu sehem fil-quddiesa mar-residenti, għamlu wkoll xi xogħol fis-segreterija. L-istudenti li marru l-Loop, inqasmu f’żewġ gruppi. Grupp minnhom qagħdu jagħżlu xi ħwejjeġ li iktar ’il quddiem ħa jkunu għall-bejgħ fil-ħanut li għandha din l-organizazzjoni l-Belt u l-grupp l-ieħor għen biex storeroom titranġa u jitpoġġew xi affarijiet fiha li jintużaw waqt it-tqassim tal-ikel li jsir matul il-ġimgħa.


Il-kummenti tal-istudenti kienu verament pożittivi u x-xewqa tagħhom hi li jkollhom ċans jieħdu sehem f’xi attività simili s-sena d-dieħla. Aktar tard l-istudenti ġew mitluba jiktbu l-esperjenza tagħhom u x’tgħallmu minn din l-attività bħala parti mill-Ischool Based Assessment tagħhom. Hekk din l-attività għenet biex dak li tgħallmu fil-klassi dwar il-karità u l-faqar imissuh fil-prattika.

Avvizi mill-Ispiritual Development in Schools

L-Esperjenza tal-Labirint għalik bħala Edukatur

L-attività spiritwali tal-Labirint għall-edukaturi ser ssir nhar l-Erbgħa 27 ta’ Marzu 2024 bejn it-8:30 am u 1:30 pm. Ser issir fil-Kurja tal-Arċisqof, il-Furjana.

🛑 Ibbukja postok għax dalwaqt jispiċċaw.

Spazji ta’ Talb fl-Iskejjel

Jekk matul dax-xhur animajt jew ser tanima xi prayer space, nixtiequ nisimgħu l-esperjenza tiegħek. Huwa mument ta’ inkoraġġiment għalik u għalina.

Segwi fejn saru u fejn ser isiru prayer spaces f’dal-ġimgħat organizzati mill-SDS: https://sds.mt/prayer-spaces/
Tiddejjaqx tikkuntatjana biex tkompli tiskopri iktar dwar prayer spaces.

Eżerċizzi Spiritwali waqt ir-Randan

Nixtieq l-ewwelnett nirringrazzjakom tas-sehem u s-sapport li tagħtu fl-organizzazzjoni tal-Eżerċizzi Spiritwali fl-iskejjel. Xi drabi tkun ta’ sfida biex wieħed jorganizza dal-mumenti imma min jaf kemm ġid jissarraf fil-persuni li jipparteċipaw!

Fuq nota oħra, il-formola għar-remunerazzjoni li għandhom jimlew l-animaturi tal-Eżerċizzi Spiritwali hija din: https://sds.mt/remuneration-form-submission/

Ftakar did-Data!

Se jkun organizzat seminar bit-tema: Discovering and Caring for our inner self: A decade of Prayer Spaces, bis-sehem tas-Sur Phil Togwell, direttur internazzjonali għall-Prayer Spaces in Schools. Dan ser ikun organizzat nhar l-Erbgħa 24 ta’ April 2024 bejn id-8.30am u 1:00 pm ġewwa Dar San Ġużepp, St Venera. Ser noħorġu iktar dettalji fil-ġranet li ġejjin.

Riżorsi mill-Websajt – SDS.mt

Programmi u Servizz

Ibqa’ aġġornat/a mal-programmi u riżorsi relatati mal-kura pastorali u l-iżvilupp spiritwali fl-iskola billi żżur https://sds.mt/request/. Tista’ tikkuntattja lil Fr Reuben Gauci, kordinatur tar-religious counsellors u l-Iżvilupp Spiritwali fl-Iskejjel fuq [email protected]

Żur il-Website tal-Edukazzjoni Reliġjuża: