Issue No: 4/24  

Issue No: 4/24  

Kelma mid-Delegat

Rev. Prof. Carl-Mario Sultana

Delegat tal-Konferenza Episkopali għall-Edukazzjoni Reliġjuża

Għeżież Għalliema tar-Reliġjon,

Qegħdin propju f’nofs is-sajf Malti. Dan huwa żmien li lilna joffrilna ftit opportunità li nieqfu mill-ħidma tas-soltu biex nirrikrejaw lilna nfusna. Kemm hija ħaġa tajba li nkunu kapaċi nieqfu u nistrieħu ftit mill-ħidma tas-soltu biex imbagħad nerġgħu nidħlu għall-impenn tat-tagħlim b’ħeġġa kbira.

F’dan kollu ejjew napprezzaw ir-rigal taż-żmien li ġej minn Alla. Aħna fil-ħajja tagħna ngħaddu minn mumenti differenti li lilna jagħtuna ċ-ċans li nagħmlu esperjenza tas-sabiħ tal-ħajja, u meta jkollna ċans li nieqfu u naħsbu nindunaw kemm ħafna drabi ngħaddu minn ħaġa għall-oħra mingħajr ma napprezzaw il-mument ta’ dak il-ħin. Donnu nidħlu f’sistema organizzata b’tali mod li ma jkollniex ċans li nieqfu ftit u naħsbu fis-sabiħ ta’ dak il-mument partikulari fil-ħajja, biċ-ċans li nitilfu, jew ngħaddu minn ħdejn dak li hu sabiħ mingħajr ma aħna lanqas biss nintebħu bih. Inkunu qisna nies li qegħdin taħt il-loppju u ma nindunaw b’xejn.

Ħafna drabi din hija wkoll is-sitwazzjoni ta’ dawk li jkunu afdati f’idejna biex nedukawhom; fil-każ tagħna biex nedukaw id-dimensjoni reliġjuża fil-ħajja tal-bniedem. Ejjew mela niftħu għajnejna u nkunu aħna stess li nkunu dejjem konxji ta’ dak li qed jiġri madwarna biex din l-attitudni fina nkunu nistgħu wkoll ngħadduha lit-tfal, adolexxenti u żgħażagħ li huma afdati f’idejna għall-edukazzjoni reliġjuża tagħhom.

Jekk xi ħadd ikun irid jikkuntattjani dejjem jista’ jsibni fuq in-numru 79603872 jew bl-email [email protected]

Avvizi mill-Ispiritual Development in Schools

Niżirgħu t-Tama

It-Tema tas-sena 2024-2025 magħżula mill-Spiritual Development in Schools hija ‘Niżirgħu t-Tama’. Bħalissa qed  nħejju riflessjonijiet għall-edukaturi u sessjoni qasira għar-religious counsellors għal kull xahar. Dawn ir-riżorsi ser ikunu onlajn fil-website https://sds.mt.

Prayer Spaces waqt Skola Sajf f’Għawdex u f’Malta

F’ Lulju l-SDS team u voluntiera oħra animajna prayer spaces għall-istudenti ta’ Skola Sajf ġewwa l-Wied tal-Lunzjata f’Kerċem Għawdex. F’Awwissu ġew organizzati fil-Kappella tal-Providenza s-Siġġiewi.  Kompli aqra hawn.

Wara Ġimgħa Camping

Ġewwa Għajn Tuffieħa, flimkien mal-Aġenzija Nazzjonali għal-Litteriżmu, organizzajna sessjoni ta’ animazzjoni ta’ storja, kitba kreattiva u spazju ta’ talb. Aqra iktar hawn. Is-sessjoni li jmiss ser issir fil-11 ta’ Settembru fis-6.30pm ġewwa l-Bajja s-Sabiħa f’ Birżebbugia bl-isem: ‘Kastell tar-Ramel’: https://sds.mt/events/sandcastle/

Nawguralkom Sajf ta’ mistrieħ u rikreazzjoni!

Programmi u Servizz

Ibqa’ aġġornat/a mal-programmi u riżorsi relatati mal-kura pastorali u l-iżvilupp spiritwali fl-iskola billi żżur https://sds.mt/request/. Tista’ tikkuntattja lil Fr Reuben Gauci, kordinatur tar-religious counsellors u l-Iżvilupp Spiritwali fl-Iskejjel fuq [email protected]

Żur il-Website tal-Edukazzjoni Reliġjuża: