Issue No: 2/23  

Issue No: 4/23  

Kelma mid-Delegat

Rev. Dr Carl-Mario Sultana

Delegat tal-Konferenza Episkopali għall-Edukazzjoni Reliġjuża

Għeżież Għalliema tar-Reliġjon,

Ir-Rumani tal-antik kellhom il-proverbju li jgħid li in medio stat virtus jiġifieri li t-triq tan-nofs hija dejjem l-aħjar triq u l-aktar waħda vantaġġjuża. Bħalissa ilkoll ninsabu fiż-żmien tal-mistrieħ fil-vaganzi tas-sajf. Apparti li fis-sħana li tagħmel hawn Malta ftit jibqgħalna ħeġġa u saħħa biex nikkonċentraw fuq il-ħidma impenjattiva tat-tagħlim, irridu nżommu sewwa f’moħħna wkoll li l-mistrieħ huwa neċessarju u mportanti fih innifsu. Dan għaliex il-bniedem mhux maħluq biex jaħdem biss.

Il-mumenti ta’ mistrieħ huma neċessarji biex il-moħħ ukoll jistrieħ, u aktar ’l quddiem nidħlu b’ħeġġa akbar mill-ġdid għar-responsabbiltà tat-tagħlim. Imma dan bħal kull ħaġa oħra jrid isir bil-qies u f’moħħna rridu dejjem inżommu l-fatt li aħna għalliema mhux biss fil-klassi tal-iskola u fil-mumenti fejn inkunu fiżikament fil-kuriduri u fil-bitħa tal-iskola. Aħna għalliema dejjem u kullimkien.

Dan jgħodd għall-għalliema ta’ kull suġġett, imma aktar u aktar għalina li aħna Għalliema tar-Reliġjon. It-tfal li aħna ngħallmu fil-klassijiet tagħna ma jistennewx biss minna li aħna ngħallmuhom is-suġġett, imma li aħna l-ewwel u qabel kollox inkunu xhieda ta’ dak li ngħallmu. Għaldaqstant, aħna ngħallmu ferm aktar bl-eżempju milli bil-kelma. Ejjew noqgħodu attenti għal dan il-fatt, għax dan hu li jagħmilna għalliema awtentiċi, u mhux bil-fomm biss. Dak li jiena nagħmel lilhinn mill-iskola u mill-klassi għandu valur għal dawk kollha li niltaqa’ magħhom, kif ukoll illum fuq il-mezzi tal-komunikazzjoni soċjali moderni. Aħna nafu li xi kultant dellna huwa tqil. Ejjew inkunu konxji ta’ dan ħalli dak li ngħallmu fil-klassi jkun megħjun mill-imġieba tagħna, u mhux imfixkel.

Ejjew nagħarfu din ir-responsabbiltà li aħna għandna u filwaqt li nieħdu l-mumenti meħtieġa ta’ mistrieħ, nerġgħu nimtlew bl-enerġija u l-ħeġġa biex wara l-vaganzi nkomplu fejn inkunu ħallejna b’ħeġġa akbar.

Jekk xi ħadd ikun irid jikkuntattjani dejjem jista’ jsibni fuq in-numru 79603872 jew bl-email [email protected]

Mill-Iskejjel Tagħna.....

Kulleġġ Marija Reġina

Skola Medja Naxxar

Hekk kif ġiet fi tmiemha is-sena skolastika 2022-2023, l-iskola medja tan-Naxxar fi ħdan il-kulleġġ Marija Reġina, għal darb’oħra ħadet ħsieb torganizza quddiesa għall-membri kollha tal-istaff. Bħas-soltu, l-istaff attenda bi ħġaru, xi ħaġa ferm apprezzata mill-għalliema tad-dipartiment tar-Reliġjon li flimkien mad-direttur spiritwali Fr Alfred Vassallo jieħdu ħsieb jorganizzaw din iċ-ċelebrazzjoni ewkaristika.

Din is-sena, il-quddiesa kienet ukoll okkażjoni ta’ ringrazzjament lis-Sinjura Corinne Cilia, li wara ħames snin bħala l-Kap tal-Iskola, se ttemm il-ħidma fejjieda tagħha fl-iskola. Il-Kap dejjem kienet ta’ sostenn fejn jidħol is-suġġett tar-Reliġjon u attivitajiet relatati li jsiru matul is-sena u minn hawn nirringrazzjawha u nawgurawlha għall-futur.

Kif konna ktibna fil-ħarġa preċedenti, statwa tal-Madonna xogħol l-iskultur magħruf Ġanni Bonnici (1932-2019) li kienet ilha fl-iskola numru ta’ snin u li kellha bżonn kbir ta’ restawr kienet qed tiġi restawrata mis-Sur Carmel Bonello artist u għalliem fl-iskola, fuq inizjattiva tas-sur Jonathan Laferla. Fil-fatt, il-quddiesa tal-aħħar saret għall-ewwel darba fejn il-post ġdid li twaħħlet fih l-istatwa biex b’hekk fi tmiem il-quddiesa l-għalliema kollha setgħu ikunu preżenti għall-inawgurazzjoni u t-tberik tagħha minn Fr Alfred Vassallo.

Kulleġġ San Tumas More, iż-Żejtun

Sena skolastika 2022-2023

Fi żmien il-Milied, barra l-quddies animat mid-Direttur Spiritwali tal-iskola Fr Dillon Bugeja ġewwa knisja taż-Żejtun, ġiet organizzata purċissjoni bil-bambin, bil-parteċipazzjoni tal-istudenti tas-Seba’ u t-Tmien sena. Wara, studenti mlibbsa ta’ San Ġużepp, il-Madonna, ir-rgħajja u s-slaten maġi iffurmaw presepju ħaj, fil-ftuħ tal-attività ‘Villaġġ tal-Milied’ b’risq id-Dar tal-Providenza.

Id-Dipartiment tar-Reliġjon ħadem qatigħ sabiex jipprepara programm adattat għall-istudenti tagħna.

L-istudenti tas-Seba’, it-Tmienja u d-Disa’ Sena ġew mistiedna, klassi, klassi, sabiex jirriflettu fuq l-imħabba t’Alla fil-ħajja tagħhom permezz tal-iSpazji ta’ Talb.

L-istudenti tal-Għaxar Sena twasslitilhom riflessjoni fil-klassi tagħhom bl-isem #bekind animata tant tajjeb minn Fr Dillon Bugeja.

Ġiet organizzata purċissjoni bl-istatwa ta’ Ġesù Redentur mill-iskola sal-knisja arċipretali taż-Żejtun, bis-sehem tal-istudenti tas-Seba’ u t-Tmien Sena. Mal-wasla tagħhom fil-knisja ġiet animata l-quddiesa tad-duluri.

Fuq inizjattiva ta’ xi membri tal-istaff, nhar is-Sibt, 25 ta’ Marzu 2023 ġie organizzat nofs ta’ nhar ta’ riflessjoni (fuq bażi volontarja) bl-isem ‘Pitstop’ għall-membri tal-istaff, ġewwa l-kunvent tal-Patrijiet Kapuċċini fil-Kalkara.

Fl-ewwel ġimgħat mill-bidu tas-sena skolastika organizzajna numru ta’ seminars ta’ riflessjoni għall-istudenti tal-Ħdax-il Sena ġewwa l-kunvent tal-Kapuċċini fil-Kalkara. L-istudenti jinqasmu fi gruppi żgħar u jkollhom sessjonijiet ta’ riflessjoni, kif ukoll ftit ħin ta’ talb u adorazzjoni quddiem Ġesù Sagramentat animat minn Fr Jethro Bajada ofm cap. Mill-kummenti tal-istudenti, jidher ċar kemm hawn għatx għal ftit ħin ta’ skiet u kwiet qalb in-natura.

L-istudenti għalqu s-snin tagħhom fil-komunità skolastika tagħna b’quddiesa ta’ ringrazzjament, animata mill-istess studenti.

Matul is-sena, ħadna l-okkażjoni li nieħdu lil Ġesù Sagramentat f’kull klassi (waqt il-lezzjoni tar-reliġjon) u jkollhom ħin ta’ riflessjoni, ħin li l-istudenti tagħna japprezzaw immens!

Avviżi

Għeżież għalliema, 

Nixtieq minn qalbi nirringrazzjakom tal-impenn u s-sapport li tipprovdu lir-religious counsellors fl-iskejjel tal-Istat u c-chaplains fl-iskejjel Indipendenti fil-ħidma tagħhom pastorali u spiritwali. 

Skolasajf 2023 Peace by Piece

F’dax-xhur tas-sajf, bħala SDS ser nanimaw spazji ta’ talb għall-istudenti ta’ skolasajf f’Malta u Għawdex.

Għal aktar dettalji: https://sds.mt/participate-in-sessions-for-skola-sajf-students/

Sena Skolastika 23-24

Qed nippreparaw għajnuniet għas-sena skolastika 23-24 bit-tema ‘Ngħixu l-Imħabba’.

Ser ikun għad-dispożizzjoni tagħkom, riflessjonijiet qosra relatati mat-tema u anke sessjonijiet qosra għar-religious counsellors.

Fil-ġimgħat li ġejjin ser nibgħatulkom il-link għall-paġna tas-sena skolastika 23-24 ‘Ngħixu l-imħabba’. 

Programmi u Servizz

Żuru s-sit sds.mt biex tkunu tafu iktar bil-programmi li nwettqu. Jekk ikollkom bżonn ta’ servizz, imla dil-form:  https://sds.mt/request/

Spiritual Development in Schools

Stay up-to-date with the latest news, resources and tips on pastoral care and spiritual development in schools by visiting https://sds.mt/ or contacting Fr Reuben Gauci, coordinator for Religious Counsellors and Spiritual Development in Schools. Contact Fr Reuben at [email protected] to learn more about the services provided by SDS or visit https://sds.mt/request/ to apply for any of the services offered.

Żur il-Website tal-Edukazzjoni Reliġjuża: