Monthly Archives: October 2023

Didàskalos 5/23

Issue No: 2/23  

Issue No: 5 /23  

Kelma mid-Delegat

Rev. Prof. Carl-Mario Sultana

Delegat tal-Konferenza Episkopali għall-Edukazzjoni Reliġjuża

Għeżież Għalliema tar-Reliġjon,

Bħalissa l-kelma fuq fomm kulħadd hija: ‘erġajna lura lejn il-bankijiet tal-iskola’. Dan jgħodd speċjalment għat-tfal li wara l-vaganzi tas-sajf issa reġġgħu daħlu għar-ritmu normali tax-xogħol fil-klassijiet. Imma dan mhux neċessarjament hu l-istess għall-għalliema. Dan għaliex l-għalliema, għalkemm ma jibqax ikollhom l-appuntamenti normali mat-tfal fil-klassijiet fix-xhur tas-sajf, u jnaqqsu wkoll xi ftit mix-xogħol normali tagħhom, huma xorta jkunu impenjati biex jippreparaw għas-sena skolastika ta’ wara. Dan l-impenn ħafna drabi ma jkunx wieħed żgħir.

 

Kemm huwa importanti li nieħdu dan l-impenn tal-preparazzjoni bis-serjetà! U nieħduh kemm nieħduh bis-serjetà qisu dejjem jibqgħalna x’nagħmlu u xi nħejju biex il-formazzjoni li nagħtu fl-iskejjel tagħna tkun waħda dejjem aktar sħiħa u tirrispetta lill-bniedem li qegħdin nedukaw.

 

Is-soċjetà li fiha qegħdin ngħixu, u li fiha qegħdin jgħixu wkoll it-tfal li aħna qegħdin nedukaw ukoll tippreżentalna l-isfidi tagħha għaliex hija soċjetà li ma tridx irbit żejjed, u li għaliha kollox jgħaddi, u li ma hemmx differenza bejn għażla jew oħra fuq kull livell. Għaldaqstant, aħna jista’ jkun li quddiemna jkollna tfal li ma għandhom l-ebda interess fis-suġġett, u li qegħdin preżenti fil-klassi għax ma jistgħux jagħmlu mod ieħor. Dan ma għandux jaqtgħalna qalbna, imma jimliena b’ħeġġa u b’impenn akbar ħalli dawn it-tfal ukoll jikbru u jiffurmaw ruħhom f’cittadini onesti u nsara tajbin.

 

Biex ngħinukom bħala għalliema, l-Uffiċċju tal-Edukazzjoni Reliġjuża qed jipprepara sensiela ta’ laqgħat formattivi. Dawn se jkunu darba bix-xahar, wara l-ħin tal-iskola u jista’ jattendi għalihom min irid, filwaqt li ħadd mhu obbliġat. F’dawn il-laqgħat se nitrattaw diversi temi ta’ interess u li jkomplu jgħinuna nkunu aktar effettivi bħala għalliema mat-tfal tallum. Aktar informazzjoni dwar dawn il-laqgħat nagħtuhom aktar ’l quddiem meta jkollna l-programm finaliżżat.

 

Filwaqt li nirringrazzjakom bil-quddiem tal-impenn u d-dedikazzjoni tagħkom, nawguralkom sena ta’ ħidma fejjieda bħala għalliema.

Jekk xi ħadd ikun irid jikkuntattjani dejjem jista’ jsibni fuq in-numru 79603872 jew bl-email [email protected]

Merħba mill-EO

Għeżież Għalliema,
Nilqagħkom għal sena skolastika ġdida. Id-dedikazzjoni tagħkom biex trawwmu t-tkabbir spiritwali u morali tal-istudenti tagħkom hija sors ta’ ispirazzjoni għalina lkoll.
F'dan il-vjaġġ, intom għandkom rwol importanti fit-tiswir tal-qlub u l-imħuħ tal-istudenti żgħażagħ tagħna. L-għerf, il-kompassjoni, u l-impenn tagħkom biex tagħtu l-valuri u t-tagħlim tal-fidi jipprovdu lill-istudenti tagħkom pedament li fuqu jistgħu jibnu ħajjithom.
Hekk kif tibdew din is-sena akkademika ġdida, ejjew nirriflettu fuq l-impatt profond li għandkom fuq il-ħajja tal-istudenti tagħkom. Il-lezzjonijiet tagħkom jestendu ferm lil hinn mill-klassi, u jnissel fihom mhux biss għarfien iżda wkoll sens ta’ skop, empatija, u l-valuri li jiggwidawhom tul ħajjithom.
Jalla din is-sena skolastika tkun mimlija hena, tkabbir ta' esperjenzi, tagħlim li jkun effettiv għal kull student, rabtiet ta' esperjenzi ħolistiċi bejn l-istudenti u l-għalliema, u fuq kollox esperjenzi spiritwali li jkabbru l-fidi tagħkom u tal-istudenti tagħkom. Flimkien, ejjew inkomplu nispiraw l-għarfien, l-esplorazzjoni tal-fidi, u l-iżvilupp tal-karattru.
Merħba mill-qalb lill-għalliema ġodda wkoll. Il-preżenza tagħkom hija barka, u l-kontribuzzjonijiet tagħkom huma bla qies.
Nistenna bil-ħerqa l-vjaġġ li ġej u l-impatt pożittiv li se tagħmlu kollettivament fuq il-ħajja tal-istudenti tagħna.
Nawguralkom ilkoll sena skolastika sodisfaċenti.

Ms Antoinette Laferla
EO Edukazzjoni Reliġjuża

Mill-Kapijiet tad-Dipartiment tal-Edukazzjoni Reliġjuża

Jiena Stephanie Vella Bezzina u ngħallem fil-Kulleġġ Maria Regina Sekondarja Mosta. Merħba għal din is-sena skolastika ġdida. Matul din is-sena ser inkun qed nieħu ħsieb il-kulleġġi Maria Regina u Santa Margerita. L-email tiegħi huwa [email protected]. Nawgura lil kull għalliem sena ta’ ħidma mal-istudenti tagħna li fiha ngħinuhom jikbru fil-mixja spiritwali tagħhom.

Stephanie Vella Bezzina

Din hija s-26 sena tiegħi li qed naħdem fi skola bħala Kap tad-Dipartiment u għalliem tar-Reliġjon. Ngħallem l-istudenti li jattendu l-iskola sekondarja ta’ Ħad-Dingli li qegħdin fl-għaxar u l-ħax-il sena tagħhom fil-Kulleġġ San Nikola. Ngħin lill-Uffiċjal Edukattiv, Ms Antoinette Laferla, fejn tidħol assistenza lill-għalliema tar-Reliġjon fil-Kulleġġi San Nikola u dak t’Għawdex. Kull min jixtieq jagħmel kuntatt miegħi, jista’ jagħmel dan fuq [email protected] jew iċempel l-iskola fuq 25988350. Jiena nħeġġeġ lill-għalliema kollha biex ikomplu jiżirgħu ż-żerriegħa tal-fidi u tal-imħabba biex dawk li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tagħna, jaraw fina mudell li fuqhom ifasslu l-valuri ta’ ħajjithom. B’kelma xierqa, eżempju tajjeb, għemil f’waqtu, nistgħu mmissu l-qalb ta’ dawk li hemm quddiemna u nressquhom iktar biex jifhmu min hu l-vera Nisrani. Id-dmir tagħna mhuwiex biss marbut li nwasslu l-għarfien tal-kotba jew tas-sillabi mfassla mid-Dipartiment, imma għandna obbligi wisq ikbar li nsawwru u niffurmaw ċittadini b’valuri Nsara.

Stephen Buhagiar

Jiena Manwel Borg, għalliem u Kap tad-Dipartiment tas-suġġett tal-Edukazzjoni Reliġjuża fil-Kulleġġi ta’ San Benedittu, San Ġorġ Preca u San Tumas More. Li tgħallem dan is-suġġett fiż-żminijiet u r-realtajiet tal-llum il-ġurnata żgur mhux xi ħaġa faċli, iżda perważ li b’rieda tajba, bl-impenn , b’kolleġġjalita’, b’reżiljenza u fuq kollox bl-għajnuna ta’ Alla nistgħu nagħmlu dan. Nawguralkom sena skolastika tajba u nirringrazzjkom bil-quddiem tax-xogħol tagħkom mal-istudenti fdati f’idejkom. L-email tiegħi huwa [email protected]

Manwel Borg

Jiena Maria Vella u qegħda fl-iskola medja fil-Kulleġġ San Injazju Tal-Ħandaq, Ħal-Qormi. Bħala Kulleġġi din is-sena minbarra fil-Kulleġġ San Injazju qed ngħin ukoll fil-Kulleġġ Santa Tereża u wkoll fil-Kulleġġ Santa Klara. Filwaqt li nawgura sena mimlija tagħlim u barka lill-għalliema, min ikun jixtieq jikkomunika miegħi, dan hu l-email tiegħi [email protected]

Maria Vella

Avvizi mill-Ispiritual Development in Schools

F’isem l-SDS, Fr Reuben Gauci jawguralek li din is-sena skolastika tkun opportunità biex nersqu lejn il-Mulej Alla u nkomplu niżirgħu t-tama billi ngħixu l-imħabba. 

 

Award in Creating and Animating Prayer Spaces  

Dan il-kors ta’ 6 sessjonijiet fuq 3 ġimgħat jgħinek toħloq u tanima spazji ta’ talb li jgħinu lill-istudenti jikbru fl-interjorità tagħhom u jikbru fir-relazzjoni ma’ Alla, mal-oħrajn u l-ħolqien. Hu kors akkreditat mill-MFHEA. Applika hawn: https://pfi.edu.mt/course/creating-animating-prayer-spaces/

 

Route 2820 – The Educator’s Journey

https://sds.mt/route-2820/

Bħala SDS ħejjejna ġabra ta’ għajnuniet għall-edukaturi biex tkun ta’ għajnuna fil-ħajja spiritwali tiegħek. Fost l-oħrajn issib riflessjonijiet mill-Evanġelju permezz ta’ app, mużika li tgħinek titlob, ġabra ta’ attivitjiet spiritwali u iżjed.

 

Ngħixu l-Imħabba – Tema għas-Sena Skolastika 23-24

https://sds.mt/year-theme/living-love-23-24/

Riflessjonijiet qosra għall-edukaturi u sessjonijiet għar-religious counsellors biex jintużaw mal-istudenti relatati mat-tema ‘Ngħixu l-Imħabba’. Issibu wkoll talb għall-quddiesa u attivitajiet ta’ talb.

 

Programmi u Servizz

Ibqa’ aġġornat/a mal-programmi u riżorsi relatati mal-kura pastorali u l-iżvilupp spiritwali fl-iskola billi żżur https://sds.mt/request/. Tista’ tikkuntattja lil Fr Reuben Gauci, kordinatur tar-religious counsellors u l-Iżvilupp Spiritwali fl-Iskejjel fuq [email protected]

Żur il-Website tal-Edukazzjoni Reliġjuża: