Issue No: 1/23
Issue No: 1/23
Kelma mid-Delegat
Rev. Dr Carl-Mario Sultana
Delegat tal-Konferenza Episkopali għall-Edukazzjoni Reliġjuża
Għeżież Għalliema tar-Reliġjon,
Ilu żmien ftit twil mhux ħażin li bdejt naħseb biex tinħoloq ħolqa ta’ nformazzjoni bejnietna biex inkunu infurmati b’dak li jkun għaddej, u bil-ħidma ta’ xulxin. Kien hawn li nibtet l-ideja li jkollna din il-forma ta’ newsletter bl-isem ΔΙΔΑΣΚΑΛΟΣ – li bl-alfabet tagħna tinqara Didàskalos. Din hija kelma bil-lingwa Griega li tfisser Għalliem b’riferenza għal Ġesù l-akbar għalliem u li hu l-mudell tal-għalliema kollha speċjalment dawk tal-Edukazzjoni Reliġjuża.
Huwa l-ħsieb tiegħi li ΔΙΔΑΣΚΑΛΟΣ toħroġ kull xahrejn u b’hekk iżżommna mhux biss infurmati dwar dak li jkun qed jiġri, imma wkoll f’kuntatt ma’ xulxin minn żmien għal żmien. Fiha mhux se jkun hemm xi kontenut li wieħed irid jagħmel xi sforz biex jaqra u jifhmu, imma jagħtina ftit ħjiel ta’ dak li jkun għaddej madwarna. Fiha, minbarra l-kelma tad-Delegat se jkun hemm ukoll informazzjoni ppreparata minn kulleġġi u skejjel differenti għal kull ħarġa li fiha naraw dak li jkun għaddej jew xi prattiċi tajba fit-tagħlim tar-Reliġjon li tajjeb li jinqasmu mal-oħrajn.
Ejjew niftakru li aħna lkoll għalliema tar-Reliġjon u l-ħidma tagħna rridu narawha wkoll fil-kuntest tal-iskola bħala spazju fejn issir l-edukazzjoni sħiħa tal-persuna, ibda minn dik li tagħti t-taħriġ biex l-istudent jasal fejn jixtieq hu/hi u tkompli f’dik l-edukazzjoni li tgħin lill-istudenti jiskopru lilhom infushom u jifhmu lilhom infushom fid-dawl ta’ dak li aħna nemmnu fih. Fil-fatt huwa fid-dawl tal-missjoni ta’ salvazzjoni ta’ Ġesù li l-bniedem jista’ jagħraf u jifhem lilu nniffsu b’mod aktar sħiħ bħala maħluq fuq ix-xbieha ta’ Alla, u li mhux destinat biex ħajtu tieqaf u tispiċċa f’din id-dinja, imma maħluq biex igawdi lil Alla għal dejjem. Hija din il-missjoni li għandna fl-Edukazzjoni Reliġjuża: li ngħinu lill-istudenti jagħarfu min huma tassew.
Jekk xi ħadd ikun irid jikkuntattjani dejjem jista’ jsibni fuq in-numru 79603872 jew bl-email [email protected]
Mill-Iskejjel Tagħna.....
Attivitajiet reliġjużi fil-Kulleġġ San Ġorġ Preca, Skola Medja, il-Blata l-Bajda.
Education is the movement from darkness to light.
Ladarba l-edukazzjoni għandha tkun ħolisitika u nolqtu kull qasam u kull aspett tal-ħajja tal-istudent, wieħed ma jistax ma jagħtix ukoll importanza lill-ispiritwalità u kif dawk il-valuri li nitgħallmu fil-klassi jiġu applikati fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum.
Għal dan il-għan, apparti l-lezzjoni tar-Reliġjon, isiru numru ta’ attivitajiet matul is-sena fosthom:
Kif ċertu studenti jibdew jikbru u jimmaturaw, jibdew jikbru wkoll il-mistoqsijiet li kull bniedem isaqsi, fosthom dwaru nnifsu, dwar l-univers u dwar dak kollu li ma nistgħux nagħtu spjegazzjoni għalih. Għalhekk jibdew ifittxu biex jispjegaw il-valur tagħhom infushom, is-sens ta’ identità personali u l-għan u l-iskop ta’ din il-ħajja.
F’dawn l-ispazji ta’ talb l-istudenti, ikollhom iċ-ċans, f’ambjent kwiet u seren isaqsu dawn il-mistoqsijiet, u jkollhom l-opportunità biex igawdu minn mumenti ta’ riflessjoni, b’oppost għall-ħajja mgħaġġla tal-lum li ftit toffri dan.
Dan isir permezz ta’ attivitajiet differenti u kreattivi li jolqtu lill-istudenti. Ġeneralment ikunu marbuta l-aktar ma’ żmien l-Avvent jew ir-Randan, ispirati wkoll minn ġrajjiet kurrenti li jkunu qed jiġru fid-dinja. F’kull spazju ta’ talb l-istudenti jkunu mistiedna jirriflettu fuq l-inġustizzji, il-maħfra, l-imħabba, u l-gratitudni fost affarijiet oħra.
Ħafna studenti jibbenefikaw minn dawn l-ispazji ta’ talb, tant li ħafna jkunu jixtiequ jerġgħu jiġu u jesperjenzaw dawn il-mumenti li għalkemm qosra, joffrulhom ftit kalma u kuntentizza li forsi fil-ħajja mgħaġġla ta’ kuljum mhux dejjem isibu.
Kull ġimgħa fl-iskola tagħna jattendi wkoll direttur spiritwali fejn ikun disponibbli u l-istudenti jkunu jistgħu jattendu ħdejh, jitkellmu miegħu, jieħdu parir, u anke jingħata s-servizz tal-Qrar.
Xi drabi wkoll id-Direttur Spiritwali jattendi fil-klassijiet fejn l-istudenti f’ambjent aktar komdu jkunu jistgħu jitkellmu mal-Qassis u anke jgħaddu xi ħsibijiet qosra.
Fi żmien il-Milied u żmien id-Duluri fir-Randan tiġi wkoll organizzata quddiesa, li tkun immexxija mill-istudenti stess, u uħud mill-istudenti jingħataw ir-rwol ta’ letturi, oħrajn biex jarmaw, u xi wħud jingħaqdu wkoll mal-Kor biex janimaw il-Quddiesa.
Marbuta wkoll mas-sillabu tar-Reliġjon, isiru wkoll xi ħarġiet biex l-istudenti jsaħħu dak li tgħallmu fil-klassi. Eżempju ta’ ħarġiet huma dawra mal-Belt Kapitali fejn naraw knejjes ta’ denominazzjonijiet differenti, inżuru wirjiet marbuta mal-Ġimgħa Mqaddsa, u anke naslu wasla sal-kappella tal-Museum tal-Blata l-Bajda fejn l-istudenti jkollhom iċ-ċans jaraw fejn hemm midfun il-qaddis Malti San Ġorġ Preca, li għalih hu msemmi l-kulleġġ tagħna.
Dawn l-attivitajiet li jsiru matul is-sena skolastika se jgħinu lill-istudent biex jikber b’mod sħiħ, isir jaf aktar lilu nnifsu, u jiskopri lil Alla f’ħajtu, sabiex dawk il-valuri li jkun qiegħed jitgħallem fil-klassi ikun jista’ jgħixhom f’ħajtu u anke jwassalhom lil ħaddieħor.
Kulleġġ Maria Reġina, Skola Medja, Naxxar
Fil-Milied li għadda, għat-tieni sena konsekuttiva saret il-purċissjoni tal-Bambin madwar l-iskola, fuq l-istil u l-ħsieb ta’ San Ġorġ Preca. Dan sar bis-sehem tal-istudenti li refgħu il-Bambin u oħrajn li libsu kostumi ta’ karattri Bibbliċi, akkumpanjati minn mużika tal-Milied.
L-iskola Medja tan-Naxxar kienet ukoll l-ewwel skola f’Malta li laqgħet ir-relikwa taż-żagħżugħ beatu Carlo Acutis. L-istudenti ingħataw informazzjoni fuq il-ħajja qasira taż-żagħżugħ, kif ukoll qattgħu ftit mumenti ta’ talb quddiem l-Ewkaristija. Din l-attività ntlaqgħet tajjeb ferm mill-istudenti u l-għalliema tal-iskola.
Jibqa’ l-fatt li din is-sena se tkun partikolari għad-Dipartiment tar-Reliġjon wara li l-Kap tal-Iskola is-Sinjura Corinne Cilia ġentilment approvat żewġ inizjattivi sbieħ biex isiru fl-istess iskola. L-ewwel hi l-użu ta’ kamra li ġiet arredata biex tintuża bħala spazju ta’ talb għall-istudenti kollha. Dan kien proġett li kellu jiġi pospost minħabba l-pandemija iżda finalment issa wasal fl-aħħar stadju tiegħu.
L-inizjattiva l-oħra hi r-restawr ta’ skultura tal-Madonna li tinsab fl-iskola. Din l-iskultura xogħol l-artist magħruf Ganni Bonnici (1932-2019) kellha bżonn kbir ta’ attenzjoni u restawr. Wara li nqalgħet minn postha, is-Sur Carmel Bonello, għalliem tal-arti fl-istess skola ħa ħsieb ir-restawr tagħha, biex issa titwaħħal f’post aktar addattat, anke minħabba l-fatt li l-Kulleġġ li l-iskola tagħmel parti minnu, jġib l-isem ta’ Maria Regina.
Prayer Spaces (Spazji ta’ Talb)
Kif ċertu studenti jibdew jikbru u jimmaturaw, jibdew jikbru wkoll il-mistoqsijiet li kull bniedem isaqsi, fosthom dwaru nnifsu, dwar l-univers u dwar dak kollu li ma nistgħux nagħtu spjegazzjoni għalih. Għalhekk jibdew ifittxu biex jispjegaw il-valur tagħhom infushom, is-sens ta’ identità personali u l-għan u l-iskop ta’ din il-ħajja.
F’dawn l-ispazji ta’ talb l-istudenti, ikollhom iċ-ċans, f’ambjent kwiet u seren isaqsu dawn il-mistoqsijiet, u jkollhom l-opportunità biex igawdu minn mumenti ta’ riflessjoni, b’oppost għall-ħajja mgħaġġla tal-lum li ftit toffri dan.
Dan isir permezz ta’ attivitajiet differenti u kreattivi li jolqtu lill-istudenti. Ġeneralment ikunu marbuta l-aktar ma’ żmien l-Avvent jew ir-Randan, ispirati wkoll minn ġrajjiet kurrenti li jkunu qed jiġru fid-dinja. F’kull spazju ta’ talb l-istudenti jkunu mistiedna jirriflettu fuq l-inġustizzji, il-maħfra, l-imħabba, u l-gratitudni fost affarijiet oħra.
Ħafna studenti jibbenefikaw minn dawn l-ispazji ta’ talb, tant li ħafna jkunu jixtiequ jerġgħu jiġu u jesperjenzaw dawn il-mumenti li għalkemm qosra, joffrulhom ftit kalma u kuntentizza li forsi fil-ħajja mgħaġġla ta’ kuljum mhux dejjem isibu.
Il-Preżenza tad-Direttur Spiritwali fl-iskola
Kull ġimgħa fl-iskola tagħna jattendi wkoll direttur spiritwali fejn ikun disponibbli u l-istudenti jkunu jistgħu jattendu ħdejh, jitkellmu miegħu, jieħdu parir, u anke jingħata s-servizz tal-Qrar.
Xi drabi wkoll id-Direttur Spiritwali jattendi fil-klassijiet fejn l-istudenti f’ambjent aktar komdu jkunu jistgħu jitkellmu mal-Qassis u anke jgħaddu xi ħsibijiet qosra.
Quddiesa tal-Milied u tad-Duluri
Fi żmien il-Milied u żmien id-Duluri fir-Randan tiġi wkoll organizzata quddiesa, li tkun immexxija mill-istudenti stess, u uħud mill-istudenti jingħataw ir-rwol ta’ letturi, oħrajn biex jarmaw, u xi wħud jingħaqdu wkoll mal-Kor biex janimaw il-Quddiesa.
Ħarġiet marbuta mas-sillabu tar-Reliġjon