Issue No: 3/25

Issue No: 3/25

Kelma tal-Arċisqof

Monsinjur Charles Jude Scicluna

Arċisqof ta’ Malta

Għeżież Għalliema tar-Reliġjon,

Fl-omelija li għamel il-Papa Ljun XIV fil-bidu tal-ministeru tiegħu bħala suċċessur ta’ San Pietru u isqof ta’ Ruma, nhar il-Ħadd 18 ta’ Mejju 2025 huwa ndirizza mhux biss lin-nies li kienu miġbura fi Pjazza San Pietru, imma lil dawk kollha li jemmnu u lin-nies kollha ta’ rieda tajba. F’din l-omelija Papa Ljun XIV esprima l-ewwel xewqa tiegħu billi uża l-kliem: “Knisja magħquda, sinjal ta’ għaqda u ta’ komunjoni, li ssir ferment għal dinja rikonċiljata.” Hawnhekk ix-xewqa tal-Papa hija li l-insara kollha jkunu dan il-ferment; din il-ħmira li tagħmel effett fis-soċjetà frammentata u maqsuma li qegħdin ngħixu fiha bħalissa.

Intom, u aħna magħkom, ladarba aħna ukoll għalliema tal-Verità, għandna rwol importanti biex din il-paċi u din l-armonija li qed jistedinna l-Papa għaliha tasal u tikber anki fis-soċjetà tagħna llum. Aħna msejħin li nkunu din il-ħmira. U min għandu pożizzjoni daqshekk privileġġjata biex jagħmel dan jekk mhux l-għalliema? U l-Għalliema tar-Reliġjon għandhom rwol aktar speċjali, għaliex huma mhux biss imsejħin biex jgħallmu dan it-tagħlim, imma li l-ewwel u qabel kollox jgħixuh huma stess u jixhdu għalih f’ħajjithom.

Huwa fid-dawl ta’ din il-missjoni tagħna li ngħallmu bil-fomm u bl-għemil li l-għalliema jridu jkunu ħmira fis-soċjetà. Bħalma ftit ħmira ttella’ l-għaġna kollha, hekk ukoll l-għalliema għalkemm huma porzjon żgħira mis-soċjetà Maltija, jridu jħallu effett pożittiv u li jinħass fis-soċjetà Maltija. L-Għalliema tar-Reliġjon iridu jkunu strumenti biex permezz tagħhom jasal it-tagħlim ta’ Ġesù llum lil tant tfal u żgħażagħ li mhux neċessarjament ikollhom kuntatt daqshekk mill-viċin u daqstant ċar u tajjeb mat-tagħlim ta’ Ġesù.

X’missjoni għandna f’idejna! Ejjew nużawha ħalli nfejjqu lid-dinja mill-mard tal-egoiżmu, tal-mibgħeda, tal-għira u tal-inġustizzja.

Il-paċi magħkom.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta

Mill-Iskejjel Tagħna

Skola Sekondarja Mons.Pietru Pawl Saydon, Kirkop

Kulleġġ San Benedittu

 

Esperjenza Spiritwali permezz tal-Arti: Il-Grupp CREA fil-Ġimgħa Mqaddsa

Il-Grupp tal-CREA (Christian Recreation through Expressive Arts) fi ħdan il-Kulleġġ San Benedittu, Skola Sekondarja, ilu għoxrin sena joffri spazju uniku fejn l-istudenti jesprimu l-fidi tagħhom permezz tal-arti u l-kreattività. Din is-sena skolastika (2024–2025), l-Grupp organizza proġett speċjali ddedikat għall-Ġimgħa Mqaddsa – proġett li għaqqad l-arti, it-tradizzjoni u l-fidi f’esperjenza edukattiva u spiritwali mill-aqwa.

 

Minn Ideat għal Realtà: Erba’ Xhur ta’ Ħidma

Għall-proġett ħadmu flimkien l-għalliema Ms Romina Bugeja Muscat, Mr Eman Sammut u Mr Roberto Chiappa, flimkien ma’ grupp ta’ studenti tas-Sena 9. Il-proċess kien jinvolvi ppjanar u ħidma intensiva tul erba’ xhur, fejn l-istudenti għażlu l-materjal artistiku tagħhom—ross, melħ, għaġin jew krafs—biex joħolqu xeni marbuta mal-Ġimgħa l-Kbira.

 

Għajnuna Speċjali u Esperjenza fuq il-Qasam

Wieħed mill-mumenti sbieħ tal-proġett kienet il-kollaborazzjoni mas-Sinjura Lorriani Cioffini, magħrufa għall-kontribuzzjoni tagħha fil-Mejda tal-Appostli tad-Domus f’Bormla. Bl-għajnuna tagħha, l-istudenti tgħallmu kemm hu importanti li xogħol bħal dan isir b’paċenzja, dedikazzjoni u rispett lejn it-tradizzjoni.

 

Żjara Ispirata: Bormla u Birgu

Bħala parti mill-esperjenza, l-istudenti żaru Bormla u Birgu, fejn raw xogħolijiet ta’ voluntiera Nsara li jiddedikaw ħinhom biex jagħmlu wirjiet marbuta mal-Ġimgħa Mqaddsa. Xogħolijiet bir-ross, melħ u vari artistiċi għenu lill-istudenti jifhmu aħjar il-valur tat-tradizzjoni, iżda fuq kollox it-tifsira profonda tas-sagrifiċċju ta’ Ġesù.

 

Esibizzjoni: Mit-Tbatija għat-Tama

Il-ħidma kulminat f’esibizzjoni ġewwa l-iskola bl-isem “Mit-Tbatija għat-Tama”.

Fost il-wirjiet kien hemm:

Il-Mejda tal-Appostli bil-fuħħar

14-il vara relatati mal-Ġimgħa Mqaddsa

Platti dekorattivi bir-ross u l-għaġin

Xogħolijiet kreattivi bil-krafs u materjali oħra

 

Valuri li Jidħlu fil-Qalb

Dan il-proġett ma kienx biss artistiku, iżda esperjenza li għen lil studenti japprezzaw il-wirt kulturali u spiritwali Malti. Il-ħidma tal-CREA kienet tagħmel parti mil-programm edukattiv tas-suġġett tar-Reliġjon, billi saħħet it-tradizzjonijiet reliġjużi u tat-twemmin minn ġenerazzjoni għal oħra.

 

Nibqgħu Inħaddnu l-Fidi bl-Arti

L-Grupp CREA jibqa’ jservi bħala spazju għal espressjoni kreattiva u spiritwali, fejn l-istudenti jitgħallmu mhux biss jagħmlu xogħol sabiħ, imma wkoll jgħixu l-fidi tagħhom b’mod profond u personali.

 

Ms. Romina Buġeja Muscat – koordinattriċi grupp CREA

Avvizi mill-Ispiritual Development in Schools

SDS AI Assistant

 

L-AI hija għodda affaxxinanti li tajjeb li nużaw għall-ġid tal-istudenti u tagħna b’mod responsabbli fil-waqt li aħna nibqgħu nissorveljaw u aħna niddeċiedu fuq dak li aħna qed noħolqu. L-AI tista’ tgħinna anke fil-qasam tal-kura pastorali u fl-iżvilupp spiritwali. Fil-websajt SDS.mt inkludejna AI Assistant li jista’ jgħinek fil-ħidma tiegħek. Tista’ tużah biex:

  • tfittex riżorsi li tixtieq mill-websajt waqt konverżazzjoni.
  • toħloq ideat u riżorsi addattati għall-udjenza li għandek.

 

Aċċessah minn hawn: https://sds.mt/assistant/

F’dax-xhur li għaddew kellna diversi mumenti sbieħ:

 

  1. Esperjenza ta’ talb bil-Labirint għall-edukaturi

L-SDS animaw l-esperjenza tal-labirint bbażat fuq il-miraklu ta’ Ġesù li jsikket il-maltempata fl-Għadira tal-Galilija (Mk 4, 35-41). Numru sabiħ ta’ edukaturi ħadu l-opportunità biex jieqfu għal ftit waqt il-Ġimgħa Mqaddsa biex jirriflettu u jitolbu. Min xtaq seta’ jitkellem jew jiċċelebra s-Sagrament tal-Qrar ma’ saċerdot.

Matul is-sena skolastika 2025-2026 bħala SDS ser nipprovdu dawn is-servizzi u programmi. Dawn huma:

 

Għal kulħadd:

  1. Riflessjonijiet qosra relatati ma’ tema tas-sena.
  2. Riżorsi relatati ma’ ċelebrazzjonijiet importanti bħall-Għid tal-Imwiet, San Nikola u n-Nawfraġju ta’ San Pawl biex ngħinu lill-istudenti jikbru spiritwalment.
  3. Sessjonijiet ta’ Prayer Spaces fl-iskejjel għall-istudenti: https://sds.mt/programmes/prayer-spaces/
  4. Nipromovu d-djalogu bejn l-Isqfijiet u l-istudenti fl-iskejjel: https://sds.mt/programmes/maltese-bishops-visiting-schools/

Għall-Primarja:

  1. Soul Speak: Programm ta’ 4 sessjonijiet li jintegra l-istrategija tal-kitba u l-ispiritwalità: https://sds.mt/programmes/soul-speak-programme/
  2. Bil-Qari u l-Kitba insib spazju għal Qalbi: Programm li jintegra l-kitba kreattiva u l-ispiritwalità: https://sds.mt/programmes/with-reading-and-writing-i-find-a-beloved-space/

 

Għall-Primarja u Medja

Living Love Joyfully: Sessjoni relatata mat-tranżizzjoni ghall-istudenti tas-sitt u t-tmien sena: https://sds.mt/programmes/living-love-joyfully-session/

Għall-istudenti tal-11-il sena

More: Sessjoni ghall-istudenti tal-ħdax-il sena: https://sds.mt/programmes/more/

Għall-Edukaturi

  1. Soul Space: CoPE Sessions għall-edukaturi biex jagħtu każ l-iżvilupp spiritwali tagħhom f’kuntest ħolistiku.
  2. Labirint spiritwali għall-edukaturi: https://sds.mt/programmes/a-labyrinth-experience-for-educators/Cope
  3. Award in Creating and Animating Prayer Spaces: https://sds.mt/programmes/a-three-week-course-in-creating-animating-prayer-spaces/

 

Ħloqtu Spazju ta’ talb fl-iskola?

Jekk matul dax-xhur animajt xi prayer space, nixtiequ nisimgħu l-esperjenza tiegħek. Huwa mument ta’ inkoraġġiment għalik u għalina. Iktbilna hawn: https://sds.mt/register

Inkomplu fi Skola Sajf

Fil-waqt li nkunu qed nipreparpaw għas-sena skolastika 2025-26 nanimaw prayer spaces mal-istudenti li jattendu Skola Sajf kemm f’Għawdex u Malta. Nistednuk biex tiġi ftit sigħat magħna biex tipparteċipa f’dawn l-ispazji ta’ talb sajfin. Ara izjed hawn: https://sds.mt/events/prayer-spaces-for-skolasajf-in-malta-2025/

Ġublew għall-Edukaturi

 

Fit-30 ta’ Mejju ċċelebrajna l-Ġublew tal-Edukaturi, opportunità biex nagħtu attenzjoni lill-vokazzjoni u l-missjoni tal-Edukatur, b’mod partikolari mil-lenti Nisranija. Mons Isqof Joseph Galea Curmi qasam magħna ħsibijiet mill-isbaħ li jistgħu jispiraw il-ħidma tal-edukatur b’mod ħolistiku. Issib l-omelija tiegħu u filmat dwar il-Ġublew tal-Edukaturi hawn: https://sds.mt/events/jubilee-for-educators/

Id-djalogu bejn Mons Arċisqof Charles Scicluna  jew l-Isqof Joeph Galea Curmi u l-istudenti ġewwa l-iskejjel ikunu dejjem okkażjoni sabiħa ta’ ferħ u esperjenza ta’ tagħlim għal kulħadd. L-isqfijiet jixtiequ li jiltaqgħu mal-istudenti u l-edukaturi u l-ħaddiema fl-iskejjel.

Dan l-aħħar ġimgħat kellu laqgħa sabiħa ġewwa l-iskola Primarja tal-Gżira, Bormla u l-Learning Support Centre fil-Ħamrun. Fis-sena skolastika 2025-26 hemm ippjanat diġa li ser jiltaqa’ mal-istudenti tal-iskola Medja fin-Naxxar fil-Kulleġġ Maria Reġina u l-iskola primarja tal-Pieta fil-Kulleġġ San Ġorġ Preca. Bħala skola tista’ taghmel l-istedina hawn: https://church.mt/request-for-event-led-by-the-archbishop-or-auxiliary-bishop/

FEE Fest fil-Kulleġġ San Nikola, Skola Dun Manwel Attard, Wardija fit-2, 3 u 4 t’April 2025.

 

Spazji ta’ talb relatati mal-ambjent u l-iżvilupp sostenibbli waqt il-festival annwali organizzat mill-Fondazzjoni għall-Edukazzjoni Ambjentali. Mijiet ta’ tfal u żgħażagħ mill-iskejjel ta’ Malta pparteċipaw f’din l-attività fejn kellhom l-opportunità jirriflettu u jitolbu fost l-oħrajn, dwar kif huma stess jistgħu jipproteġu l-ambjent, japprezzaw is-sbuħija tan-natura, jaħsbu f’dawk li m’għandhomx saqaf fuq rashom u dwar x’inhi x-xewqa t’Alla għad-dinja. https://www.facebook.com/prayerspacesMT/posts/1412406236388484?ref=embed_post

Programmi u Servizz

Ibqa’ aġġornat/a mal-programmi u riżorsi relatati mal-kura pastorali u l-iżvilupp spiritwali fl-iskola billi żżur https://sds.mt/request/. Tista’ tikkuntattja lil Fr Reuben Gauci, kordinatur tar-religious counsellors u l-Iżvilupp Spiritwali fl-Iskejjel fuq [email protected]