Issue No: 2/23  

Issue No: 3/23  

Kelma mid-Delegat

Rev. Dr Carl-Mario Sultana

Delegat tal-Konferenza Episkopali għall-Edukazzjoni Reliġjuża

Għeżież Għalliema tar-Reliġjon,

Iż-żmien igerbeb u ma jistenna lil ħadd. Donnu jaqbad ritmu li xi kultant jiġri bina. Ikollna ħafna idejat u pjanijiet li nkunu nixtiequ nwettqu, imma nindunaw li minn dak li nkunu ppjanajna, inkunu għamilna fil-fatt ftit. Imma dan ma għandux jaqtgħalna qalbna. L-importanti huwa li dak li nagħmlu nagħmluh tajjeb, u ma nagħmluhx biss biex inkunu għamilnieh, jew għaliex hekk imdorrijin nagħmlu, imma għax tassew nemmnu fih.

Madankollu, meta nħarsu lura naraw li nkunu għamilna diversi affarijiet biex niffaċilitaw u ngħinu lill-oħrajn fil-qadi ta’ dmirijiethom. Dan hu li pprova jagħmel l-Uffiċċju tal-Edukazzjoni Reliġjuża tal-Konferenza Episkopali Maltija bil-għajnuna ta’ ħafna nies oħra. Fost l-affarijiet li qegħdin naħdmu fuqhom imma li huma diġà aċċessibbli hija websajt ġdida li fiha informazzjoni u riżorsi li huma ta’ għajnuna fit-tagħlim. Din il-websajt tinsab f’din il-link: www.cre.knisja.mt

Il-websajt hija kemm bil-Malti kif ukoll bl-Ingliz, u fejn stajna għamilna traduzzjoni ta’ dak li kien possibbli li nittraduċu. Tajjeb li tatuha titwila u taraw x’tistgħu tużaw minnha. Aħna wkoll nilqgħu suġġerimenti biex nagħmluha aħjar.

F’Ottubru li ġej, il-Fakultà tal-Edukazzjoni se toffri ukoll il-kors li jwassal għal grad ta’ għalliem/a (MTL in Religious Education) mhux biss filgħodu imma wkoll part-time filgħaxija. B’hekk min diġà qiegħed jgħallem u għandu dak li hu rikjest biex jagħmel l-MTL ikun jista’ jkompli l-istudji tiegħu mingħajr ma jtellef il-ħidma ta’ filgħodu. Bħalissa l-amminstrazzjoni tal-Università għadha ma fetħitx l-applikazzjonijiet għal dan il-kors. Madankollu, jekk xi ħadd huwa interessat jista’ jkellimni biex ninfurmah meta dawn ikunu aċċessibbli. Jiena dejjem ninsisti li aktar kemm inkunu ppreparati għall-ħidma tat-tagħlim, aktar din tħalli effett fuq l-istudenti tagħna.

Nieħu din l-okkażjoni biex nirringrazzjakom tal-ħidma kollha tagħkom fix-xhur li għaddew.

Jekk xi ħadd ikun irid jikkuntattjani dejjem jista’ jsibni fuq in-numru 79603872 jew bl-email [email protected]

Mill-Iskejjel Tagħna.....

Kulleġġ San Benedittu, Skola Medja, Kirkop

Attivitajiet Spiritwali– Sena 2022-2023

Matul din is-sena, Fr Peter Ellul kien jattendi darba fil-ġimgħa, jew l-Erbgħa jew il-Ħamis u kien ikun disponibbli kemm għall-istudenti u kemm għall-membri kollha tal-istaff. Il-preżenza tiegħu, anke dak li bena hu flimkien mal-kappillani tal-parroċċi minn fejn ġejjin l-istudenti tagħna, għamlet effett kbir.

Nhar it-Tnejn, 28 ta’ Novembru, 2022 fis-sala tal-Iskola Sekondarja tal-istess Kulleġġ kellna quddiesa bħala ringrazzjament li l-istudenti tat-Tmien Sena rċevew is-Sagrament tal-Griżma tal-Isqof. Għal din l-okkazzjoni stedinna lill-ġenituri tagħhom li ġew bi ħġarhom. Ippreparajna wkoll tifkira fl-injam lil kull student u studenta. Għal din il-quddiesa kkonċelebraw il-kappillan ta’ Birżebbuġa u ta’ Ħal Kirkop.

It-Tnejn, 19 ta’ Diċembru u l-Erbgħa 21 ta’ Diċembru 2022, kellna erba’ quddisiet mifruxin tnejn f’kull ġurnata. Dan peress li xtaqna li jkollna l-quddies fis-Sala tal-Iskola. It-Tnejn bdejna billi kellna l-purċissjoni bil-bambin mal-kurituri kollha tal-Iskola u kellna l-kant mill-istudenti kollha. Kien hemm atmosfera sabiħa u ferriħija ħafna li daħħlitna lilna lkoll fl-ispirtu tat-Twelid tal-Messija. Peress li l-istudenti kienu mqassmin, setgħu aktar jipparteċipaw fil-Quddiesa. Kellna magħna wkoll lill-kappillan ta’ Birżebbuġa.
Matul ir-Randan, Fr Peter daħal f’kull klassi tar-Reliġjon u għamel lezzjoni bħala l-Ezerċizzi Spiritwali. Dan kien mument ta’ riflessjoni fi żmien li l-Knisja tagħtina biex nindmu u nemmnu fil-Bxara t-tajba.

Peress li din is-sena l-ġurnata tad-Duluri ħabtet btala pubblika, allura l-quddiesa għamilna t-Tnejn ta’ wara. It-Tnejn, 3 ta’ April 2023 għamilna tliet quddisiet fil-bidu tal-Ġimgħa Mqaddsa. Kien mument ta’ riflessjoni li fiha l-istudenti u l-istaff kellu l-opportunità li jirrifletti fuq it-tbatijiet li ġarrbet il-Madonna minħabba binha. Il-kappillan ta’ Birżebbuġa u l-Arċipriet taż-Żurrieq, flimkein ma’ Fr Peter Ellul, kienu magħna għal dawn iċ-ċelebrazzjonijiet Ewkaristiċi.

Nhar it-Tlieta, 9 ta’ Mejju 2023 kellna ġurnata mal-Ewkaristija u Carlo Acutis! Matul il-ġurnata kollha, l-istudenti kienu mqassmin biex jagħmlu madwar għoxrin minuta f’ħin ta’ adorazzjoni fis-skiet u anke jsiru midħla tal-ħajja ta’ Carlo Acutis. Kellna magħna lil Fr Lorrie Zerafa OFM li hu inkarigat mir-relikwa ta’ dan il-Beatu u flimkien ma’ Fr Peter, kemm l-istudenti u kemm l-istaff, kellna ħin biex nieqfu ftit mir-rutina mgħaġġla u nitolbu fis-skiet flimkien.

Avviżi

Idejat għall-Assessjar

Għeżież għalliema,

Grazzi tal-ħidma tagħkom li wettaqtu matul din is-sena skolastika. Napprezza l-fatt li f’dawn iż-żminijiet, is-suġġett jitlob impenn u dedikazzjoni ħafna aktar minn suġġetti oħra. Quddiemna hemm sfidi ġodda li jirrikjedu tibdil kemm fil-preparazzjoni, kif ukoll fl-istrateġija iktar wiesa’ li rridu naddottaw flimkien biex inwasslu l-messaġġ Nisrani b’mod aktar effettiv.

Għaldaqstant, fid-disa’ sena se ndaħħlu sistema ta’ assessjar kontinwu li toffri benefiċċji ġodda lill-istudenti tagħna. F’din il-ħolqa għandkom issibu eżempji ta’ ‘school based assessment’ biex ikunu ta’ għajnuna għalikom.

Aktar informazzjoni prattika u eżempji tistgħu issibuha hawnhekk: https://cre.church.mt/mt/kurrikulu/idejat-ghall-assessjar-id-9-u-l-10-sena/

Għal darb’oħra nirringrazzjakom u j’Alla jkollkom vaganzi ta’ mistrieħ mistħoqq.

Ms Antoinette Laferla
Uffiċċjal Edukattiv

Spiritual Development in Schools

Stay up-to-date with the latest news, resources and tips on pastoral care and spiritual development in schools by visiting https://sds.mt/ or contacting Fr Reuben Gauci, coordinator for Religious Counsellors and Spiritual Development in Schools. Contact Fr Reuben at [email protected] to learn more about the services provided by SDS or visit https://sds.mt/request/ to apply for any of the services offered.

Żur il-Website tal-Edukazzjoni Reliġjuża: