Issue No: 2/23  

Issue No: 1 /24  

Kelma mid-Delegat

Rev. Prof. Carl-Mario Sultana

Delegat tal-Konferenza Episkopali għall-Edukazzjoni Reliġjuża

Għeżież Għalliema tar-Reliġjon,


Erġajna bdejna sena ġdida u bħas-soltu ż-żmien ma jistenna lil ħadd; jaqbad għaddej u jgħaġġel mingħajr ma jistenna lil ħadd. Inħoss li filwaqt li din hija ħaġa tajba għax tfisser li aħna qegħdin nagħmlu ħilitna biex intejbu lis-soċjetà li fiha qegħdin ngħixu, imma fl-istess waqt jista’ jiġrilna wkoll li lanqas nagħtu każ li aħna nistgħu inkunu qegħdin nitkaxkru mill-ġirja tal-ħajja mingħajr ma nindunaw!

Din hija xi ħaġa li rridu noqgħodu tassew attenti għaliha; faċli li nintrikbu mir-rutina u allura ma nibqgħux konxji b’mod sħiħ ta’ dak li nkunu qegħdin ngħixu u nagħmlu. Meta ninqabdu f’dan il-kurrent inkunu aktar qegħdin neżistu milli ngħixu. Illum hawn movimenti sħaħ li qegħdin jipproponu l-mindfulness. Dan huwa mod wieħed biss kif ma nħallux lilna nfusna nitkaxkru mill-kurrent li normalment nidħlu fih minħabba s-soċjetà li qegħdin ngħixu fiha.

Il-preokkupazzjoni tiegħi hija li jekk aħna ma nkunux konxji tal-mument li fih aħna qegħdin ngħixu, ftit nistgħu nindunaw bil-grazzja li Alla jkun qed jagħtina fih, u permezz tiegħu. Barra minn hekk, ikun ukoll ferm diffiċli għalina li aħna niġbdu l-attenzjoni tal-istudenti biex ikunu konxji tal-mument ta’ issa jekk aħna stess ma nkunux konxji u qegħdin ngħixu l-mument b’mod sħiħ. Aħna nafu kemm hu importanti għall-istudenti tagħna li jgħixu u jgawdu l-mument mingħajr ma jitkaxkru mill-kurrent. Min jaf kemm-il darba ġbidna l-attenzjoni tagħhom dwar dan. Imma l-ewwel ejjew nibdew aħna bl-eżempju tagħna nuru li qegħdin ngħixu l-mument u napprezzaw dak li Alla jagħmel magħna.

Ejjew nibqgħu ngħixu l-mument b’mod sħiħ; ejjew ngħixu u mhux neżistu.

Jekk xi ħadd ikun irid jikkuntattjani dejjem jista’ jsibni fuq in-numru 79603872 jew bl-email [email protected]

Mill-Iskejjel

Seminar għall-għalliema tar-Reliġjon fl-Iskejjel tal-Knisja.

 

Bħala kapijiet tad-dipartiment tar-Reliġjon fi ħdan is-Segretarjat għall-Edukazzjoni Nisranija, ħejjejna nofs ta’ nhar seminar għall-għalliema kollha tar-Reliġjon fl-iskejjel tal-Knisja. Dan is-seminar tratta dwar l-isfidi, il-kreattività u l-opportunitajiet fl-Edukazzjoni  Reliġjuża. Għal dan is-seminar li sar ġewwa l-Oratorju tas-Sależjani f’Ħad-Dingli, kienu mistednin Fr Carl-Mario Sultana, id-delegat tal-Konferenza Episkopali Maltija għall-Edukazzjoni Reliġjuża, Ms Angela Charles, Direttriċi tal-Kurrikulu , u tliet kelliema oħra.

L-ewwel parti kienet f’idejn Patri Giovann Tabone MSSP, fejn tkellem dwar l-isfidi tal-ħajja u tana perspettiva reali b’riflessjoni mill-esperjenza ta’ San Pawl meta kien ġewwa Ateni. B’din ir-riflessjoni bibblika stajna nirrelataw ma’ sitwazzjonijiet li jkollna bħala edukaturi fil-klassijiet tagħna.

It-tieni kelliem, is-Sur Paul Cutajar, li jaħdem fil-qasam tal-Counselling fl-Iskejjel tal-Knisja kif ukoll eks għalliem, offrielna mument ta’ riflessjoni dwar fejn ninsabu aħna l-għalliema fil-fidi tagħna. Ħarisna wkoll lejn il-benesseri tal-edukatur u l-istudenti adoloxxenti tagħna fid-dinja tal-lum.

 

L-aħħar sezzjoni kienet iddedikata għall-pedagogija ċċentralizzata fuq l-istudent, fejn permezz tal-użu tal-multimodalità, aħna l-għalliema nistgħu nilħqu aktar l-istudenti u nagħmlu lezzjonijiet tar-Reliġjon aktar relevanti. Hawnhekk ħadna sehem f’attivitajiet varji li bħala għalliema nistgħu nimplimentaw fil-lezzjoniijiet tagħna u nużawhom fl-assessjar kontinwu wkoll.

Grazzi għal Dr Edward Wright, din is-sezzjoni tatna togħma ta’ kif nistgħu nsibu metodi pedagoġiċi ġodda u effettivi mal-istudenti tagħna. Dan it-tip ta’ taħriġ se jitkompla f’laqgħat żgħar mal-għalliema tagħna aktar ’l quddiem. Nixtiequ nirringrazzjaw lill-edukaturi kollha li pparteċipaw għal dan is-seminar, lill-kelliema li offrewlna l-ħin tagħhom u l-għarfien tagħhom u lill-ħanin Alla li kellna mumenti sbieħ ta’ talb flimkien, fejn iċċelebrajna l-Ewkaristija u ħadna gost bil-kumpanija ta’ xulxin.

 

Lorna Flask Camenzuli u Maria Deguara

Kulleġġ San Benedittu Skola Primarja Safi

Nhar is-16 ta’ Jannar 2024 ilqajna l-istudenti mill-iskola primarja ta’ Ħal Safi bħala l-ewwel grupp għas-sessjoni ‘Ngħixu l-Imħabba bil-Ferħ’. Dis-sessjoni ġiet mfassla biex tippromwovi l-iżvilupp spiritwali u tipprovdi esperjenza rikka lill-istudenti tas-sitt sena fl-iskejjel tal-Istat.

L-għan ta’ dan il-ħin flimkien huwa li nkomplu niskopru li flimkien nistgħu ngħixu l-imħabba b’mod ferrieħi. Tul dan in-nofs ta’ nhar, ngħinu lill-istudenti isaħħu l-valur tal-ħajja fil-perspettiva Nisranija billi jkunu iktar grati, jagħrfu japprezzaw lilhom infushom u r-relazzjonijiet tagħhom, u jagħrfu l-ħolm u l-limitazzjonijiet tagħhom. Kompli aqra u ara ritratti hawn.

Avvizi mill-Ispiritual Development in Schools

Spazji ta’ talb fl-iskejjel

Jekk matul dax-xhur animajt jew ser tanima xi prayer space, bħala SDS nixtiequ nisimgħu l-esperjenza tiegħek . Huwa mument ta’ inkoraġġiment għalik u għalina. Iktbilna hawn: https://sds.mt/prayer-spaces/planning-your-prayer-space/#step3

Dan l-aħħar ġimgħat saru dawn il-prayer spaces, inkluż waqt CoPe session għall-edukaturi fl-iskola primarja tal-Mellieħa. Ara fejn ser isiru prayer spaces f’dal-ġimgħat organizzati mill-SDS: https://sds.mt/prayer-spaces/

 Tiddejjaqx tiġi żżurna biex tkompli tiskopri iktar dwar prayer spaces.

Vjaġġ spiritwali f’Taizé, Franza

Għandna x-xewqa li norganizzaw vjaġġ għall-Taize, fi Franza u għalhekk nixtiequ li nieħdu feedback mingħandkom. Jekk jogħġbok idħol hawn għall-questionnaire ta’ 5 mistoqsijiet.

Għajnuniet għal żmien ir-Randan

F’dal-jiem inkunu qed nippreparaw għar-Randan inkluż għall-eżerċizzi tar-Randan. Kif ser ngħinu lill-istudenti u edukaturi biex ngħixu daż-żmien b’mod li jagħmel sens u li jibda mill-esperjenza konkreta tat-tfal u taż-żgħażagħ? Grazzi tal-ħidma tagħkom f’dan iż-żmien. Idħol hawn għal xi għajnuniet u riżorsi: https://sds.mt/resource/lent-and-easter-in-style/

Ser issir attività spiritwali għall-edukaturi nhar l-Erbgħa 27 ta’ Marzu 2024 fil-għodu. Żommu d-data libera. Ngħaddulkom iktar dettalji iktar ‘l quddiem.

Programmi u Servizz

Ibqa’ aġġornat/a mal-programmi u riżorsi relatati mal-kura pastorali u l-iżvilupp spiritwali fl-iskola billi żżur https://sds.mt/request/. Tista’ tikkuntattja lil Fr Reuben Gauci, kordinatur tar-religious counsellors u l-Iżvilupp Spiritwali fl-Iskejjel fuq [email protected]

Żur il-Website tal-Edukazzjoni Reliġjuża: