Issue No: 5/26
Issue No: 5/26
Kelma mid-Delegat

Rev. Prof. Carl-Mario Sultana
Delegat tal-Konferenza Episkopali għall-Edukazzjoni Reliġjuża
Għeżież Għalliema tar-Reliġjon fl-iskejjel ta’ Malta u Għawdex,
Ftit tal-ġranet ilu erġajna komplejna bil-ħidma tagħna fl-iskejjel wara l-waqfa tas-sajf. Dan ma jfissirx li fis-sajf ma ppreparajniex ruħna għal dan il-mument, imma hu żgur li bis-sajf u s-sħana li kienet l-inqas ħaġa li jkollna fuq moħħna hija l-ħidma tat-tagħlim tar-Reliġjon fl-iskejjel. Dan għaliex ċertu bidliet li aħna nagħmlu ma niddeċiduhomx mil-lum għall-għada imma jieħdu ħafna żmien jinħmew f’moħħna biex fl-aħħar ikollna prodott ferm aħjar.
Issa li erġajna bdejna fir-rutina ta’ kuljum, wasal iż-żmien biex dak li nkunu ħsibna tant fuqu nwettquh, jew inkella nippruvawh u naraw jekk jiġix aċċettat b’mod aħjar mill-istudenti. Jiena nemmen li bil-bżuljia u bil-professjonalità tagħkom bħala Għalliema tar-Reliġjon żgur li se jkollkom riżultati pożittivi. Imma aħna wkoll umani u rridu nżommu saqajna mal-art għax ġieli jiġrilna li naħdmu u nistinkaw, imma dak li nkunu ppreparajna ma jolqotx lill-istudenti tagħna. Dan ma għandux jaqtgħalna qalbna, anzi għandna nitlew bil-kuraġġ biex insibu soluzzjoni aħjar, u li tkun tajba u aċċettabbli għall-istudenti tagħna.
Hu b’dan il-mod li aħna wkoll nikbru bħala Għalliema tar-Reliġjon: billi nippruvaw aħna wkoll naqraw is-sinjali taż-żminijiet u l-bżonnijiet tal-istudenti tagħna, u nbiddlu u nakkomodaw kemm jista’ jkun. Meta nkunu qed nagħmlu dan inkunu qed nixbħu lill-akbar Għalliem u mudell tagħna – Ġesù – li tkellem u għamel sinjali skont in-nies li kien ikollu quddiemu, imma fi ħsiebu dejjem kellu li jġib il-ħelsien – is-salvazzjoni.
Nawguralkom li bħala Għalliema tar-Reliġjon, matul din is-sena skolastika, npoġġu lil Ġesù stess bħala l-mudell tagħna ta’ kif nikkomunikaw u nwasslu lilu stess lill-istudenti tagħna. Nawguralkom ukoll li jkollkom sena skolastika tajba mimlija sodisfazzjoni li qed twasslu intom ukoll is-salvazzjoni lill-istudenti bil-mod tagħkom anki jekk hu ċkejken.
SAVE THE DATE
Se jsir mument ta’ riflessjoni għall-Għalliema tar-Reliġjon fi żmien l-Avvent. Id-data li fiha se ssir din l-attività hija l-Ġimgħa 11 ta’ Diċembru bejn l-4-pm u s-7pm f’Dar San Ġużepp Santa Venera. Se jkollna magħna lill-Isqof ta’ Għawdex Mons. Anton Teuma biex jaqsam magħna ftit ħsibijiet.
Din hija attività libera għal min jixtieq. Imma nieħdu pjaċir jekk tkunu magħna. Aktar ’l quddiem se tintbagħat formola b’aktar dettalji u biex min jixtieq li jingħaqad magħna jkun jista’ javżana li ġej. Grazzi bil-quddiem.
Avvizi mill-Ispiritual Development in Schools
Għeżież,
Fil-bidu tas-sena skolastika tajjeb li nerġgħu niftakru fl-identità tagħna li tibda minn verità sempliċi: L-identità tagħna tibda minn verità sempliċi: aħna maħbubin minn Alla.
“Intom il-magħżulin ta’ Alla, qaddisin u maħbubin.” (Kolossin 3:12)
Permezz tat-tema tas-sena Flimkien, nixtiequ li nkomplu nagħrfu l-imħabba ta’ Alla li tagħmilna aktar ħielsa biex inħobbu lill-oħrajn. B’hekk naraw lil kull persuna bħala don aktar milli bħala piż u nkomplu nitrasformaw lill-iskola f’ komunità fejn nitgħallmu nikbru fir-relazzjonijiet tagħna magħna nfusna, mal-oħrajn, mal-ħolqien u ma’ Alla. Relazzjonijiet b’saħħithom jgħinu wkoll il-benesseri ta’ kull persuna u tal-komunità kollha.
F’isem l-SDS, magħmul mis-Sa Silvana Cardona, Sa Annemarie Gatt, is-Sur Matthew Gauci u minni, nawguralek minn qalbi biex il-ħidma u l-preżenza tiegħek tirrifletti l-vokazzjoni u l-missjoni bħala dixxipli missjunarji ta’ Ġesù.
Fr Reuben Gauci
It-tema ta’ Flimkien tiżviluppa permezz ta’ dawn Is-sitt movimenti, li għal kull wieħed ħsibna li nirrakomandaw xi riżorsi jew suġġerimenti.
Award in Creating and Animating Prayer Spaces

Matul das-snin smajt bi Prayer Spaces imma tixtieq tkun taf iżjed? Jew forsi taf jew saħansitra ġieli ipparteċipajt f’xi sessjoni ta’ Prayer Spaces u tixtieq tiskopri aktar fuq kif tista’ tużahom fil-kuntest pastorali tiegħek? Fil-bidu tas-sena skolastika, għandu mnejn jinteressak dan li ġej:
Flimkien mal-PFI, qed noffru dal-kors ta’ 5 sessjonijiet mifruxa fuq 5 Sibtijiet bil-għan li jgħinek toħloq u tanima spazji ta’ talb biex l-istudenti jikbru fir-relazzjonijiet tagħhom ma’ Alla, magħhom infushom, mal-oħrajn u l-ħolqien. Hu kors akkreditat mill-MFHEA. Il-kors li jmiss jibda fis-7 ta’ Novembru 2026. Din is-sena ser jingħaqdu magħna Phil Sokell Miles, direttur Internazzjonali għal Prayer Spaces in Schools u awtur tal-ktieb Sticky Note Prayers u s-Sa Naomi Halse, Direttur ta’ Prayer Spaces in Schools fil-Gran Brettanja. Titlifx din l-opportunita.
Sessjonijiet għal żmien ta’ tranżizzjoni
Iż-żmien ta’ tranżizzjoni għall-istudenti minn skola għall-oħra u lil hinn jista’ jkun ta’ sfida. Sintendi, f’ħajjet l-istudent hemm bidliet oħra li qed jiġru u hemm oħrajn li ma jistgħu qatt jiġru jekk ma tkunx il-grazzja ta’ Alla.
Għal dan, qed nagħmlu stedina lilkom edukaturi li tixtiequ toffru lill-istudenti tagħkom tas-6, t-8 u l-11-il sena sessjonijiet maħsubin sabiex flimkien ngħinuhom jiskopru u jaffaċjaw daż-żmien b’iktar fidi u kuraġġ.
Qed noffru sessjoni mżewqa ta’ tlitt sigħat li jista’ jgħin lill-istudenti jieqfu, jirriflettu, u jitolbu fuq dak li għaddejjin minnu fil-ħajja tagħhom. Aqra iżjed dwar dawn is-sessjonijiet u ħajjar lill-iskola biex tapplikaw.

Living Love Joyfully – għall-istudenti tas-6 sena
Journeying Together – għall-istudenti tat-8 sena

+More – għall-istudenti tal-11-il sena.
Programmi u Servizz
Matul dis-sena skolastika l-SDS tkompli toffri diversi programmi, servizzi u attivitajiet għall-etajiet diffferenti. F’dan il-brochure, sib il-programmi u servizzi għall-edukaturi u studenti
Tista’ żżur is-sit għal iktar informazzjoni: https://sds.mt/programmes/

Tista’ tagħmel talba lill-SDS għas-servizz li teħtieġ: https://sds.mt/request/.
Ikkuntattja lil Fr Reuben Gauci li jikkordina r-religious counsellors u l-Iżvilupp Spiritwali fl-Iskejjel, fuq [email protected]



