Issue No: 5/25


Issue No: 5/25


Kelma mid-Delegat

Rev. Prof. Carl-Mario Sultana
Delegat tal-Konferenza Episkopali għall-Edukazzjoni Reliġjuża
Għeżież Għalliema tar-Reliġjon,
Wara ftit granet fir-rutina tal-iskola issa kulħadd jibda jħoss li qed jingrana sewwa għalkemm sena skolastika ġdida dejjem iġġib magħha ħsibijiet u xi diffikultajiet ukoll. Dawn il-ħsibijiet u sa ċertu punt l-inkwiet marbut magħhom huma sinjal pożittiv għaliex jindikaw li aħna qed nippruvaw nagħmlu l-almu kollu tagħna biex noffru l-aħjar servizz lil dawk l-istudenti kollha li qegħdin jiġu afdati f’idejna matul is-sena skolastika li għadha kif bdiet.
Imma ejjew ma nħallux dawn il-ħsibijiet itaqqluna żżejjed, jew inkella jwaqqfuna milli nkunu kreattivi fis-soluzzjonijiet tagħna. Niftakru li aħna bħala għalliema u edukaturi għall-fidi ma nwettqux ministeru li huwa tagħna b’mod personali, imma li f’isem il-Knisja aħna strumenti f’idejn l-Ispirtu s-Santu biex il-messaġġ nisrani jasal għand dawn l-istudenti, u mhux biss, imma anki għand dawk kollha li b’xi mod niltaqgħu magħhom fil-kuntest edukattiv fil-ħajja ta’ kuljum. Allura l-messaġġ li aħna għandna mhux tagħna. Għaldaqstant irridu nibżgħu għalih u nwassluh kif inhu, mingħajr ma nibdluh.
Fl-istess waqt irridu ukoll li l-messaġġ li nwasslu jkun ukoll attraenti u ppreparat b’mod sabiħ biżżejjed biex min jisimgħu jinteressa ruħu li jkun jaf aktar fil-fond dwaru. Huwa hawn li rridu nkunu kreattivi, għax filwaqt li l-messaġġ jibqa’ dejjem l-istess, imma l-mod kif nippreżentawh ikun dejjem frisk u attwali, bħal ktieb li l-qoxra tiegħu tgħidlek biex taqbdu f’idejk u tiftħu ħalli tara x’fih.
J’alla matul din is-sena kulħadd ikollu ministeru li jħalli l-frott mixtieq, ministeru li fih nuru l-kobor ta’ Alla li jibqa’ jfittex lill-bniedem biex isalvah fil-mument fejn qiegħed.
Nawguralkom sena ta’ ħidma fejjieda fil-kamp edukattiv.
Rev. Prof. Carl-Mario Sultana
Delegat tal-Konferenza Episkopali Maltija
għall-Edukazzjoni Reliġjuża
Mob: 79603872
Email: [email protected]
Mill-Iskejjel
L-Influencer
Żgur li kulħadd sema’ biż-żagħżugħ Carlo Acutis, illi fl-2006, ta’ ħmistax-il sena, miet bil-marda qerrieda tal-lukimja. Il-ħajja ta’ dan iż-żagħżugħ, minkejja li qasira, ħalliet effett kbir fuq ħafna nies, kemm f’ħajtu kif ukoll wara, hekk kif l-imħabba li Carlo kellu għal Kristu wasslitu biex jgħix b’għaqal, tjubija u serenità.
Konxji minn dan, madwar sena u nofs ilu ddeċidejna li ntellgħu dramm dwar dan iż-żagħżugħ, li sa dak iż-żmien kien għadu beatu. Huwa tassew b’kumbinazzjoni li d-dati tar-rappreżentazzjonijiet, anke minħabba l-posponiment tal-kanonizzazzjoni, se jaħbtu biss ftit ġimgħat biss wara din l-istess ċerimonja li saret nhar is-7 ta’ Settembru 2025.
Għaldaqstant nistidinkom biex nhar il-Ġimgħa 24, is-Sibt 25 u l-Ħadd 26 t’Ottubru tattendu għal dan id-dramm bl-isem ta’ ‘L-Influencer’ li se jittella’ fit-Teatru taċ-Ċentru San Ġużepp Ħaddiem fi Triq Bwieraq Birkirkara.
Kif wieħed jistenna, dan id-dramm jinvolvi xhur ta’ preparazzjoni, mill-kitba, għax-xenografija, l-għażla tal-atturi, provi, dwal u mużika, promozzjoni u kordinazzjoni ta’ kull tip, u tista’ tibqa’sejjer. Barra minn hekk, se jittellgħu ukoll żewġ rappreżentazzjonijiet oħra għall-istudenti, nhar l-Erbgħa 22 u l-Ħamis 23 t’ Ottubru filgħodu, li grazzi għall-għalliema li kkuntattjawna mill-ewwel, iż-żewġ dati huma mimlijin. Dan jirrifletti l-ammirazzjoni li ġibdet lejh il-ħajja ta’ dan iż-żagħżugħ.
Naturalment dan kollu ma kienx ikun possibbli mingħajr l-għajnuna ta’ ħafna nies. Qabel xejn il-kappillan tal-Parroċċa San Ġużepp Ħaddiem, Fr. Charlon Muscat, li mill-ewwel offra li jkun ta’ sostenn għal dan il-proġett, u li ra fih metodu kreattiv ta’ evanġelizzazzjoni. Nixtieq insemmi wkoll l-Għaqda Armar San Ġużepp Ħaddiem li qed jaħdmu bis-sħiħ biex is-sala tkompli bit-tisbiħ tagħħa. Nirringrazzja lill-atturi li aċċettaw li jiffurmaw parti mill-kast u kull min qed jgħin minn wara l-kwinti u l-aħħar u mhux l-inqas lid-direttur Carlos Cachia tal-biċċa xogħol li qed jagħmel. Booking jinsab miftuħ (79708356/79618463).

Avvizi mill-Ispiritual Development in Schools
Għeżież,
Bdejna sena oħra ta’ opportunitajiet fejn il-Mulej ser ikompli jgħin lill istudenti, l-edukaturi sħabna u lilna nagħrfu iżjed l-imħabba tiegħu qalb ħafna ċirkostanzi. F’isem it-tim, nawguralek minn qalbi biex il-ħidma u l-preżenza tiegħek tirrifletti l-vokazzjoni u l-missjoni bħala dixxipli missjunarji ta’ Ġesù.
Fr Reuben Gauci
Tema għas-Sena Skolastika 2025-2026
https://sds.mt/year-theme/wholesome-2025-26/
Wholesome hija t-tema tas-sena ibbażata l-kmandament il-Kbir ta’ Ġesù (Mk12: 29-31). Permezz ta’ sessjonijiet għar-religious counsellors u inizjattivi oħra ser nkomplu ngħinu lill-iskejjel biex ngħixu l-imħabba li tfejjaq.
Fil-bidu tas-sena skolastika, nhar l-24 ta’ Settembru, ġiet organizzata laqgħa għar-religious counsellors. L-Isqof Joseph Galea-Curmi inkoraġġihom biex :
- Napprezzaw il-grazzja li għandna li naħdmu pastoralment fl-iskejjel tal-Istat u Indipendenti.
- Fjamma żgħira ma nitfuhiex imma fjamma żgħira nħeġġuha.
- Il-ħidma rridu nagħmluha mar-realtà kif inhi, u mhux kieku li kienet fil-passat.
- Li jkollna l-ispirtu li nkomplu dejjem nitgħallmu.
- Il-ħidma tagħna fl-iskejjel hija outreach importanti li nagħmlu b’ħafna ġenerożità.
Aqra iktar hawn: https://sds.mt/wholesome/
Award in Creating and Animating Prayer Spaces
Il-bidu tas-sena skolastika ikun mimli taħbit! Għalhekk trid ikollok ftit ħin fejn tieqaf u titlob? Trid tifhem aħjar x’inhuma prayer spaces?
Flimkien mal-PFI, qed noffru dal-kors ta’ 6 sessjonijiet fuq 3 ġimgħat jgħinek toħloq u tanima spazji ta’ talb biex l-istudenti jikbru fir-relazzjonijiet tagħhom ma’ Alla, magħhom infushom, mal-oħrajn u l-ħolqien. Hu kors akkreditat mill-MFHEA. Il-kors li jmiss jibda f’Novembru 2025. Applika hawn minnuifih! https://pfi.edu.mt/course/creating-animating-prayer-spaces/
Dis-sena, Phil Sokell-Miles, il-kordinatur internazzjonali ta’ Prayer Spaces ser ikun magħna f’Malta u ser jaqsam magħna l-esperjenza tiegħu f’waħda mis-sessjonijiet.
Save the Date – Seminar
The Sticky Notes Prayers – How Prayer Spaces in Schools are changing young lives
Data: Erbgħa 19 ta’ Novembru 2025
Hin: 10:00am – 12:00pm
Post: Dar San Ġużepp, St Venera
Skopri iktar hawn: https://sds.mt/sticky-note-prayers/
Sessjonijiet għal żmien ta’ tranżizzjoni
Iż-żmien ta’ tranżizzjoni għall-istudenti tas-6, t-8 u l-11-il sena jista’ jkun ta’ sfida u għalhekk qed noffru għajnuna lil dawn l-istudenti biex jgħixu daż-żmien b’iktar kuraġġ. Ġewwa Dar San Ġużepp, f’ Sta Venera, qed noffru sessjoni ta’ nofs ta’ nhar mżewwaq u li jgħin spiritwalment lill-istudenti. Aqra iżjed dwar dis-sessjoni u ħajjar lill-iskola biex tapplikaw.
Living Love Joyfully – għall-istudenti tas-6 sena
https://sds.mt/programmes/living-love-joyfully-session/
Journeying Together – għall-istudenti tat-8 sena: https://sds.mt/programmes/journeying-together/
More – għall-istudenti tal-11-il sena.
Programmi u Servizz
Matul dis-sena skolastika l-SDS tkompli toffri diversi programmi u servizzi għall-etajiet diffferenti. F’dan il-brochure, sib il-programmi u servizzi għall-edukaturi u studenti
Tista’ żżur is-sit: https://sds.mt/programmes/.
Tistenniex wisq biex tagħmel talba lill-SDS billi permezz ta’ https://sds.mt/request/.
SDS AI Assistant
Fil-website żidna l-SDS AI Assistant – għodda li tista’ tgħinek fil-missjoni bħala edukaturi. Dan ic-chatbot jista’ jgħinek tfittex l-aħjar riżorsi mill- website, fil-waqt li jekk tixtieq, tista’ joħloq materjal ġdid.
Ħossok libera li tikkuntattja lil Fr Reuben Gauci, kordinatur tar-religious counsellors u l-Iżvilupp Spiritwali fl-Iskejjel fuq [email protected]